L-Enemalta ħabbret, fuq il-midja soċjali, li wasal f’pajjiżna l-impjant li se jkun jista’ jipprovdi l-provvista tal-elettriku fl-eqqel tad-domanda dan l-istaġun, sakemm jibda jiffunzjona l-proġett multi-miljunarju tat-tieni interconnector mal-Italja.
Dan waqt li, sadanittant, għaddej l-akbar investiment b’valur ta’ madwar €55 miljun li qed isir fis-sistema u ċ-ċentri ta’ distribuzzjoni tal-elettriku madwar il-pajjiż kollu, wara deċiżjoni tal-Kabinett immexxi mill-Prim Ministru Robert Abela.
Il-Ġimgħa filgħaxija, l-Enemalta ħabbret li l-impjant beda jinħatt fil-Port Ħieles. F’każi t’emerġenza, jekk tinqala’ xi ħsara f’wieħed mis-sorsi ta’ ġenerazzjoni nazzjonali, l-impjant se jkun jista’ jforni l-provvista tal-elettriku xorta waħda.
L-impjant wasal f’pajjiżna wara sejħa pubblika, hekk kif l-Enemalta se tkun qiegħda tikri kapaċità sa 60MW temporanjament, sakemm jitlesta t-tieni interconnector ma’ Ragusa.
B’hekk se tkompli tissaħħaħ l-infrastruttura elettrika bħala garanzija ta’ sigurtà fil-provvista tal-enerġija.