Matul il-lejl ta’ bejn il-Ġimgħa u s-Sibt, waslet konsenja kbira ta’ lbies protettiv għall-ħaddiema fil-qasam tas-saħħa.
Il-Ministru Silvio Schembri qal li l-konsenja twasslet fl-ewwel titjira minn tmienja li qed torganizza l-Air Malta permezz tas-sħubija kollaborattiva mal-Qatar Airways.
Fil-fatt, fuq medda ta’ tmien vjaġġi, se jkunu qed jinġiebu f’pajjiżna mat-800,000 kilo ta’ provvisti mediċi.
Id-Deputat Prim Ministru u Ministru tas-Saħħa Chris Fearne qal li l-imxija ġegħlet lil ħafna joqogħdu d-dar biex jipproteġu s-saħħa tagħhom u ta’ qrabathom, imma bosta oħrajn fosthom il-ħaddiema fil-qasam tas-saħħa, qed ikollhom joħorġu mid-dar biex jagħmlu xogħolhom u jipproteġu s-saħħa tal-poplu Malti u Għawdxi.
Ħaddiema li mhux biss qed joħorġu għax-xogħol imma li jaffaċċjaw pazjenti morda bil-coronavirus u għaldaqstant huwa essenzjali li jkollhom l-ilbies meħtieġ biex ikunu protetti huma u dawk l-aktar għeżież għalihom.
Id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne stqarr: “F’dawn il-ġranet wasal l-ewwel minn tmien ajruplani kbar tal-merkanzija li qiegħed iwassal mijiet ta’ eluf ta’ maskri, gowns, ingwanti u visers għall-ħaddiema tagħna. Dan b’kollaborazzjoni ma’ ħafna dipartimenti inkluż id-Dipartiment tas-Saħħa u s-CPSU, l-Air Malta, il-Ministeru tal-Affarijiet Barranin u l-Ambaxxata ġewwa ċ-Ċina, biex kollha flimkien sirna wieħed mill-pajjiżi li rnexxielu jkollna biżżejjed ilbies protettiv għall-ħaddiema tas-saħħa tagħna ħalli b’hekk ikomplu jieħdu ħsieb saħħitna lkoll.”