Ir-raġel ta’ 56 sena minn Birkirkara mixli b’attentat ta’ qtil tal-eks mara tiegħu weħel 25 sena ħabs wara li wasal fi tmiemu l-ġuri li kien għaddej fil-Qorti.
Wara d-deliberazzjoni, il-ġurati sabu lir-raġel ħati bi tmien voti kontra wieħed tal-attentat ta’ qtil, li kkaġuna fastidju u biża’ lill-eks mara tiegħu, u li uża arma mhux liċenzjata.
Hu ma nstabx ħati li weġġa’ lil omm l-eks sieħba tiegħu, iżda b’mod unanimu nstab ħati ta’ theddid u inġurji kif ukoll ta’ ksur ta’ bail.
L-akkużat qed iwieġeb mhux ħati li 13-il sena ilu, ta sitt daqqiet ta’ sikkina lill-eks mara tiegħu u kkawża ġrieħi ħfief lil ommha.
Matul is-smigħ tax-xhieda, it-tifla l-kbira tal-akkużat u l-vittma, li llum għandha 37 sena, saħqet li missierha kellu problema kbira tax-xorb. Hi żiedet li missierha heddida diversi drabi li se joqtolha, inkluż erbat ijiem qabel l-allegat reat, meta fi stabbiliment f’Paceville, heddida li ser jitfagħha mill-gallarija għal isfel.
Fuq ordni tal-Imħallef Consuelo Scerri Herrera, isem ir-raġel u l-vittma mhux qed jixxandru minħabba l-ulied komuni.