Wasal fl-aħħar fażi tiegħu l-proġett ta’ restawr fuq il-Knisja Arċipretali ta’ Santa Katerina taż-Żejtun. Ix-xogħol mistenni jitlesta sal-ewwel nofs tas-sena d-dieħla u qed isir b’investiment ta’ nofs miljun ewro.
Ix-xogħol jinkludi t-tneħħija ta’ materjali, li qed jagħmlu ħsara lill-ġebla, it-tikħil ta’ fili miftuħa u r-restawr tal-lavur, skultura u gwarniċuni, u restawr tal-aperturi, fost interventi oħrajn.
Il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali, Owen Bonnici, żar ix-xogħlijiet li għaddejjin fejn spjega li dawn jirriflettu l-impenn ċar tal-Gvern biex isir ħarsien effettiv tal-wirt storiku ta’ pajjiżna.