Ix-xogħlijiet ta’ titjib ta’ partijiet minn Triq l-Ewwel Titjira 1915 u l-mini ta’ Ħal Kirkop ser jitlestew għada s-Sibt wara li tingħata l-aħħar kisja ta’ asfalt illejla.
Matul dawn l-aħħar ftit jiem, ix-xogħlijiet meħtieġa f’din il-ħidma kienu qed isiru bil-lejl biss, sabiex din ir-rotta ewlenija minn u lejn iż-Żurrieq, l-Imqabba, Ħal Safi, Ħal Kirkop u l-Qrendi ma tkunx milquta’ ħażin u toħloq dewmien fl-ivjaġġar.
Illejla, bejn it-8:00 ta’ filgħaxija u l-5:00 tas-Sibtfilgħodu, ser jingħata l-aħħar saff t’asfalt sabiex jitlestew ix-xogħlijiet. Għalhekk, il-miżuri ta’ mmaniġġjar tat-traffiku ta’ dawn l-aħħar jiem ser jibqgħu fis-seħħ sa għada filgħodu Din it-triq ser tibqa’ miftuħa għat-traffiku fiż-żewġ direzzjonijet anke waqt li jkunu għaddejjin ix-xogħlijiet.
Is-sewwieqa u persuni oħra li jużaw din it-triq għandhom isegwu t-tabelli tad-devjazzjonijiet temporanji u tat-tnaqqis tal-veloċità tas-sewqan, kif ukoll l-istruzzjonijiet tal-uffiċjali ta’ Transport Malta fuq il-post.
F’dawn l-aħħar jiem, il-kuntratturi neħħew il-wiċċ eżistenti ta’ parti twila minn din it-triq, bejn ir-roundabout tal-ajruport u l-mini ta’ Ħal Kirkop, u ksewh bl-ewwel saffi ta’ asfalt ġodda. L-aħħar kisja ser tingħata l-lejla.
Din it-triq tifforma parti mir-rotta ewlenija lejn il-lokalitajiet taż-Żurrieq, l-Imqabba, Ħal Safi, Ħal Kirkop u l-Qrendi. Din il-ħidma hija fażi oħra mill-proġett ta’ titjib fil-kwalità u s-sigurtà ta’ waħda mill-konnessjonijiet ewlenin bejn iċ-ċentru tal-pajjiż, mill-Ħamrun u Ħal Qormi, għal din iż-żona tan-naħa t’isfel tal-pajjiż, li tinkludi diversi lokalitajiet kif ukoll siti strateġiċi bħall-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta. Fix-xhur li għaddew, matul din ir-rotta, sar bini mill-ġdid ta’ diversi roundabouts, infetħu korsiji ġodda u sar titjib ta’ uħud mit-toroq li eluf ta’ persuni jużaw ta’ kuljum biex jivvjaġġaw f’din id-direzzjoni. Bħalissa għaddej ukoll xogħol ta’ titjib fir-roundabout ta’ ħdejn ir-Residenza San Vinċenz, bi tħejjija għall-bini mill-ġdid tat-triq li tinsab fiha. Din l-arterja ewlenija, Triq Ħal Luqa, ser tiġi ddisinjata mill-ġdid biex titwessa b’korsiji ġodda.
Transport Malta tirringrazzja lill-pubbliku għall-koperazzjoni waqt dawn ix-xogħlijiet ta’ titjib tas-sistema tat-toroq f’pajjiżna.