Il-Prim Ministru Joseph Muscat iltaqa’ mal-Prim Ministru Ungeriż Viktor Orban, f’dik li hija l-aħħar laqgħa minn seba’ marbuta mal-Presidenza tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea.
L-għan ewlieni wara dawn il-laqgħat kien li jiġu diskussi kwistjonijiet differenti li se jkunu qed jiġu diskussi matul il-Presidenza tal-Kunsill Ewropew f’pajjiżna.
Il-laqgħa bejn il-Prim Ministru Joseph Muscat u l-Prim Ministru Ungeriż Viktor Orban f’Budapest wasslet għal diskussjoni pożittiva dwar temi differenti. Issemmew suġġetti li jgħaqqdu lil Malta u lil Ungerija fuq it-twemmin li hemm bżonn attitudni liberali lejhom, bħall-ekonomija u l-ħolqien tal-impjiegi.
Ġew diskussa wkoll temi li ż-żewġ pajjiżi għandhom pożizzjoni nazzjonali differenti bħall-immigrazzjoni. Il-Prim Ministru qal li hawnhekk m’aħniex qed nitkellmu b’aġenda nazzjonali iżda bħala Presidenza Ewropea. Sostna li jifhem il-pożizzjoni li jħaddan Viktor Orban, u jaf li l-Prim Ministru Ungeriż jifhem il-pożizzjoni ta’ Malta.
“Din il-laqgħa għenet biex nifhmu lil xulxin”, qal il-Prim Ministru, “ma nistgħux nitkellmu dwar soluzzjoni finali iżda fil-Presidenza li se tmexxi Malta rridu nġibu l-progress”. Dan il-progress jista jintlaħaq biss bi djalogu miftuħ.
Min-naħa tiegħu Viktor Orban fisser lill-Prim Ministru Muscat bħala ħabib tal-Ungerija u tkellem dwar il-koperazzjoni tajba ta’ bejniethom fl-istituzzjonijiet Ewropej minkejja li ż-żewġ mexxejja ġejjin minn familji politiċi differenti.
Orban faħħar ix-xogħol li qed twettaq Malta biex fl-ewwel sitt xhur tas-sena d-dieħla tmexxi l-Presidenza Ewropea b’suċċess u qal li l-Ungerija lesta tkun sieħeb importanti ta’ pajjiżna biex l-Ewropa tersaq eqreb ta’ konklużjonijiet pożittivi.
Iż-żewġ naħat iddiskutew ukoll l-investiment bejn Malta u l-Ungerija, b’Orban jesprimi s-sodisfazzjon tiegħu għan-negozju tal-Maltin fl-Ungerija u b’Dr Muscat isemmi kif bit-titjiriet bejn Malta u l-Ungerija jista jiżdied is-suq turistiku bejn iż-żewġ pajjiżi.
Intant, fi tmiem dawn iż-żjarat fi bliet kapitali Ewropej, f’kummenti lill-mezzi tax-xandir il-Prim Ministru qal li tal-aħħar jiem ma kienux l-unika laqgħat li se jsiru u fadal aktar taħditiet li jittellgħu fil-ġimgħat u x-xhur li ġejjin. Spjega kif Malta marret għand pajjiżi li għandhom aġenda speċifika u li qed jimbuttaw f’direzzjonijiet differenti.
“L-għan tagħna huwa li matul il-Presidenza li tibda fl-1 ta’ Jannar li ġej, li l’hinn minn dak li naħsbu u nemmnu aħna, nippruvaw inġibu progress fuq punti li hemm kontroversja dwarhom”, qal il-Prim Ministru. It-tkabbir ekonomiku u l-ekonomija diġitali jibqgħu bażiċi iżda imbagħad hemm kwistjonijiet bħall-immigrazzjoni li hemm min jgħid mod u min jgħid mod ieħor.
B’mod realistiku l-Presidenza Maltija ma tridx tiġġudika jew tikkundanna imma tifhem is-sitwazzjoni ma’ kulħadd u flimkien nimxu pass ‘il quddiem.
Matul dan il-vjaġġ il-Prim Ministru ltaqa’mal-President Franċiż Francoise Hollande, mal-Kanċillier Angela Merkel fil-Ġermanja, mal-Prim Ministru Enda Kenny fl-Irlanda, il-Prim Ministru Beata Syzdlo fil-Polonja, fl-Estonja ltaqa’ mal-Prim Ministru Taavi Roivas filwaqt li fid-Danimarka ltaqa’ mal-Prim Ministru Lars Lokke Rasmussen.
Kull laqgħa kellha sfond differenti. Skont il-pajjiż u r-realtajiet li qiegħed jiffaċċja bħalissa, bix-xogħol tal-Prim Ministru jkun dak li jiddiskuti l-prijoritajiet tal-Presidenza Maltija u jiġbed lejhom iktar appoġġ. Dan biex meta l-Presidenza tibda fi ftit ġimgħat tassew tkun waħda effettiva u li tħalli riżultati konkreti fil-qafas li llum jippermetti l-mod kif taħdem l-Unjoni Ewropea. Fost it-temi diskussi kien hemm il-ġejjieni tal-Unjoni Ewropea u l-imigrazzjoni.
Productive exchange wt #Hungary PM Viktor Orban even on subjects on which we differ. Still many more things unite than separate us-JM #Malta
— Joseph Muscat (@JosephMuscat_JM) December 1, 2016