Fis-sigħat bikrin tal-Ġimgħa filgħodu, ġie fi tmiemu Kunsill Ewropew Straordinarju li fost l-oħrajn qabel biex il-proċedura fl-għoti tal-għajnuniet biex jinċentivaw il-qalba ambjentali ikunu aktar effikaċi, fosthom bl-inklużjoni ta’ krediti ta’ taxxa lill-kumpaniji.
Għal dan il-Kunsill Ewropew Straordinarju attenda l-Prim Ministru Malti Robert Abela, flimkien mal-mexxejja l-oħra tal-istati tal-Unjoni Ewropea kif ukoll il-President Ukren Volodymyr Zelenskyy, fid-dawl tas-sitwazzjoni globali preżenti.
Ftit wara li ntemm dan il-Kunsill, il-Prim Ministru Robert Abela laqa’ b’sodisfazzjon l-inklużjoni ta’ referenza li saret għan-negozji żgħar u medji li kien punt li pajjiżna saħaq fuqu hekk kif jemmen li dawn l-ażjendi huma sħab ewlenin fl-iżvilupp ekonomiku.
Il-Prim Ministru hawn qal, “Naturalment din se tkun għajnuna allaċċjata mal-qalba ambjentali, jiġifieri dawk l-ażjendi, dawk l-entitajiet illi bil-prodott tagħhom se jkunu qegħdin jgħinu biex issir din il-qalba ambjentali tant importanti, imbagħad inkunu nistgħu nagħtu għajnuniet, skemi li huma tailor made għal dak il-għan.”
B’hekk dak maqbul bejn il-mexxejja Ewropej se jkun qiegħed jindirizza sfidi burokratiċi lejn aktar flessibilità sabiex tingħata aktar għajnuna.
Dan minkejja li saru wkoll argumenti għal kawtela lejn il-flessibiltà minn numtu ta’ pajjiżi Ewropej, minħabba s-sitwazzjoni ekonomika tagħhom, Malta għamlet argument b’saħħtu favur dan it-tibdil hekk kif temmen li dan se jissarraf f’aktar kompettività fuq livell Ewropew.
Il-Prim Ministru nnota wkoll li dan kollu qiegħed isir f’kuntest fejn l-Istati Uniti ħabbret li se tissussidja industriji f’oqsma ħodor.
Hawnhekk Abela għamel kuntrast mal-qagħda ekonomika b’saħħitha ta’ pajjiżna li tagħmilha possibbli sabiex din l-għajnuna tingħata.
Il-Kunsill Ewropew ddiskuta wkoll is-sitwazzjoni globali ddominata mill-gwerra fl-Ukrajna li daħlet fl-ewwel sena tagħna.
Għaldaqstant, għal dan il-Kunsill Ewropew il-mexxejja Ewropej kellhom iċ-ċans li jitkellmu mal-President Ukren Volodymyr Zelenskyy wiċċ imb’wiċċ.
Dwar dan il-Prim Ministru Robert Abela stqarr kif minkejja l-limitazzjonijiet li għandu pajjiżna minħabba l-prinċipji ta’ nonallinament u n-newtralità, xorta waħda spjegali l-għajnuna li pajjiżna qiegħed jagħti lill-poplu Ukren.
Abela fost l-oħrajn semma’ l-għajnuna mediċinali, u f’servizzi mediċi u kif ukoll l-għotja ta’ numru ta’ generators sabiex ikun iġġenerat l-elettriku.
Il-Prim Ministru spjega li, “Imbagħad mal-President Zelenskyy aċċennajt fuq punt li ħassejt li kelli nqajmu l-importanza li jibqgħu isiru sforzi biex jekk jista’ jkun tiġi riprestinata l-paċi. Dan kien messaġġ li għedtuli darba, darbtejn, tliet darbiet. Nifhem il-limitazzjonijiet u d-diffikultajiet ta’ dak il-messaġġ f’dan il-mument issa li dħalna f’sena ta’ gwerra. Imma dan il-messaġġ għamiltu minn qalbi għaliex ukoll kemm nixtieq illi nara li tant imwiet, tant ħajjiet innoċenti ma jibqgħux jintilfu.”
Tul il-Kunsill Ewropew ġiet diskussa ekoll t-tema tal-immigrazzjoni fejn Malta tenniet il-ħtieġa ta’ iżjed sforzi kontra t-traffikar uman.
Pajjiżna appella għal iżjed ħidma sfieqa mill-FRONTEX, li kapaċi tnaqqas it-telfien tal-ħajjiet fl-ibħra, t-tluq ta’ dgħajjes mix-xtut Afrikani u aktar ħidma marbuta mar-ripatrijazzjoni ta’ immigranti li ma ħaqqhomx l-ażil.
In Brussels we continued to stand with #Ukraine and engaged in a positive dialogue on issues like the economy & migration. The addition of preserving the competitiveness of SMEs in #EUCO’s conclusions, confirms @MaltaGov proactive approach. – RA
— Robert Abela (@RobertAbela_MT) February 10, 2023