Dalgħodu, il-forzi tal-ordni Taljani arrestaw lill-boss tal-Mafja, Matteo Messina Denaro.
Huwa ġie arrestat fi klinika privata f’Palermo, fi Sqallija, wara li kien ilu mfittex mill-Pulizija Taljana għal dawn l-aħħar tletin sena. Wara l-arrest, Messina ttieħed f’post sigriet u sigur.
F’din l-operazzjoni biex ġie arrestat il-boss tal-Cosa Nostra, kien hemm involuti madwar mitt uffiċjal tal-forzi dixxiplinarji.
Matteo Messina Denaro kien intbagħat għomor il-ħabs mill-Qorti Taljana, mingħajr ma kien deher fiha, minħabba li kien maħrub.
Fl-2002, Messina Denaro kien instab ħati li qatel lill-Prosekuturi ta’ kontra l-Mafja, Giovanni Falcone u Paolo Borsellino. Instab ħati wkoll ta’ attakki bil-bombi f’Milan u f’Ruma fl-1993, li kienu wasslu għall-qtil ta’ għaxar persuni.
Huwa kien ħataf ukoll tifel ta’ tnax-il sena, Giuseppe Di Matteo, sabiex jipprova jagħlaq ħalq missieru għax kien se jixhed kontra l-Mafja. It-tifel inżamm maħtuf għal sentejn sakemm imbagħad inqatel iu l-katavru tiegħu ntefa’ fl-aċtu.
Qed jiġi rrappurtat li Messina qiegħed jiġġieled il-battalja kontra l-kanċer u kien juża l-isem falz ta’ Andrea Bonafede waqt li kien qiegħed jingħata l-kimoterapija.
Hekk kif il-boss tal-Mafja ġie arrestat, in-nies fuq barra tal-isptar bdew iċapċpu lejn il-forzi tal-ordni li rnexxielhom jaqbduh.
Il-Prim Ministru Taljan Giorgia Meloni rringrazzjat lill-forzi tal-ordni għax-xogħol tagħhom u qalet din hija rebħa kbira għall-Istat.
Tul il-ġurnata tat-Tnejn, Meloni żaret lill-forzi tal-ordni fi Sqallija u sellmet il-memorja ta’ Giovanni Falcone quddiem il-monument li hemm fil-post fejn kien inqatel minn Messina.
