Ħaddiema tat-taqsima tal-immaniġjar tal-widien fi ħdan l-aġenzija Ambjent Malta ġabru ‘l fuq minn tmien tunnellati ta’ skart li ntrema illegalemnt fl-inħawi ta’ Birguma fil-Limiti tan-Naxxar.
L-iskart ħafna minnu tal-kostruzzjoni ntrema fix-xifer tal-irdum li minn fuqu wieħed jaraw xenarju mill-isbaħ tal-pajsaġġ Mati fosthom dak ta’ Baħar iċ-Ċagħaq u l-widien u l-għelieqi tal-inħawi.
L-inħawi jagħmlu parti mill-‘Victoria Lines’ – fortifikazzjoni ta’ tnax-il kilometru tul il-wiesa’ ta’ pajjiżna.
Sa minn kmieni l-Ħamis filgħodu il-ħaddiema ta’ Ambjent Malta kienu qed ineħħu dan l-iskart minn dan is-sit ta’ importanza ekoloġika.
Philip Aquilina minn Ambjent Malta qal li wara li dehru fil-mati ta’ skart mormi illegali f’dan il-post, il-Ministeru għall-Ambjent ikkordina xogħol estensiv ta’ tindif f’dan is-sit permezz ta’ ħidma konġunta bejn Ambjent Malta, Waste Serv l-ERA biex dan il-post ikun jista’ jerġa’ jitawda mill-pubbliku.
Aquilina qal li “Apparti minn hekk kien hemm xi skart ieħor per eżempju xi fridges u xi sufanijiet jiġifieri anke skart domestiku. Bħala skart kif inhu jista jitneħħa u mhux suppost iħalli ħsarat madankollu l-makkinarju jista’ jagħmel impatt. Iżda l-iskart ħafna minnu kien terrapien, iżda kien hemm xibka tal-konkos, bramel, ħġieġ, twieqi etc”
Aquilina qal kif sfortunatament din attività illegali qed issir iżjed komuni madwar il-pajjiż fejn ta’ spiss qed jissejħu biex inaddfu ħmieġ li qed isir b’kapriċċ.
Spjega kif “Sfortunatament insibu, forsi mhux daqs dan il-volum li mhux regolari, imma anke nsibu xi ftit xkejjer, boroż u fridges f’xi wied”
Huwa appella sabiex dan ir-rimi illegali jieqaf darba għal dejjem. Qal li llum il-ġurnata hemm diversi servizzi fejn wieħed jista’ jarmi l-iskart li ma jkollux bżonn. Fakkar kif minn jinqabad jarmi barra jew jagħmel din it-tip ta’ attività jista’ jeħel multa sa sitt elef ewro, ikollu l-vettura kkonfiskata u f’każ li jkun reċediv, jista’ jeħel multa sa ħmistax-il elf ewro.