Fil-laqgħa ta’ tmexxija tal-Partit Nazzjonalista li saret it-Tnejn f’lukanda, l-Kap tal-Oppożizzjoni għamel ħinijiet sostanzjali juri l-videos tal-President tal-Istati Uniti, Obama, u politiċi Amerikani oħra.
Din il-laqgħa ta’ tmexxija saret f’lukanda bit-tama li ma jkunx hemm ‘leaks’ mid-Dar Ċentrali. Iżda kien kollu għaxejn b’ONE NEWS ikun mgħarraf u jistenna lil Busuttil ħiereġ mil-lukanda.
Hemm staqsejnih dwar kummenti li huwa l-ikbar diżappunt. It-tweġiba tiegħu kienet li ħejjew għall-elezzjoni, għaliex ġejja elezzjoni dalwaqt.
Fil-fatt din hi l-istrateġija li qed juża bit-tama li jerġa’ jieħu kontroll tal-PN. Lid-deputat u attivisti jgħidilhom li issa mhux il-mument tal-kritika fuq il-Kap, għax l-elezzjoni tista’ tiġi mil-lum għal għada, anke jekk għad fadal madwar sena u nofs. Biex ikompli jdaħħal l-atmosfera elettorali, lill-Viċi-Kapijiet Mario De Marco u Beppe Fenech Adami u l-membri l-oħra tal-grupp ta’ tmexxija wriehom il-filmati ta’ Obama u ddiskutew l-istil fid-diskorsi u l-komunikazzjoni tal-messaġġ.
Fil-grupp parlamentari li se jlaqqa’ iktar tard illum, għad mhux magħruf jekk hux se jagħmel l-istess mossa b’imkejjen tagħna jgħidu li għalih l-iktar ħaġa importanti hi li jbeżbeż lil dawk li jidher li ma jaqblux miegħu. B’rapport fuq glennbedingfield.com jgħid li hemm minn tal-inqas disgħa.
Bil-għan li ma jidhirx qed jiddiskuti l-kriżi interna, kif żvelajna lbieraħ, se jkun qed jgħid li ddiskuta l-VISAS u joħroġ stqarrija bl-istrateġisti jippjanaw x’pass jistgħu jieħdu bil-għan li l-laqgħa ma tidhirx waħda fil-vojt.
Tant din il-laqgħa ħolqot pressjoni fil-PN u mhijiex normali li lbieraħ l-uffiċċju komunikazzjoni ħareġ stqarrija biex jgħid li se jiltaqa’ l-grupp parlamentari. Xi ħaġa straordinarja u rari ħafna ssir.