Tfal tal-iskola ħerqana jiġru fil-ġonna ta’ Sant’Anton jaqtgħu l-larinġ, il-lumi u l-mandolin.
F’xemx tiżreġ l-istudenti tal-iskejjel primarji taż-Żejtun u Ħal Qormi meddew idejhom biex flimkien mal-President ta’ Malta George Vella u s-Sinjura tiegħu Miriam Vella jaqtgħu l-frott f’dan iż-żmien tas-sena s-siġar taċ-ċitru jibdew iħallu l-frott.
Dan kollu sar bi tħejjija għall-11-il edizzjoni tal-Festa taċ-Ċitru li ser issir il-Ħadd 19 ta’ Jannar fil-Palazz ta’ San Anton, f’Ħ’Attard.
Il-President George Vella spjega: “Hija sistema li bdiet 11-il sena ilu meta bdiet issir Festa Ċitru filwaqt li qed tagħmel festa u kważi kważi qed tiġbor il-familji flimkien. Fl-istess ħin tutilizza dak il-kapital, dak il-frott, tbiegħu u tbiegħ anke forsi l-prodotti tiegħu u kull sena kien ikun suċċess dan. Jiena nittama li fid-19 ta’ Jannar joħroġ it-temp tajjeb dak huwa importanti ħafna u ħafna familji jiġu hawnhekk ħalli jieħdu gost bl-ambjent u fl-istess ħin ikunu qegħdin jikkontribwixxu għal Community Chest Fund.”
It-tfal ma qagħdux lura li jitkellmu mal-President li dan dlonk għamilhom lezzjoni ħelwa ta’ malajr bl-aktar mod interattiv.
Spjegalhom li fil-ġnien ta’ Sant’Anton hemm madwar 500 siġra mħawla u qalilhom ukoll kif fi żmien il-Kavallieri li jkollok is-siġar tal-larinġ fil-ġonna tiegħek kien jfisser li inti nobbli.
Ma naqasx li t-tfal jgħidu tagħhom. Uħud mit-tfal li tkellmu ma’ ONE NEWS qalulna:
- “Bħalissa ħa mmorru naqtgħu l-larinġ u ġejna naraw il-Palazz tal-President.”
- “Biex naqtgħu l-larinġ.”
- “Li għandu ħafna siġar tal-larinġ għax jiena jgħoġobni ħafna l-larinġ u l-mandolin.”
- “L-ikel.”
- “Il-kejkijiet”
- “Għax jiena nħobb l-aktar kejk minn tal-larinġ.”
Intant fil-festa taċ-Ċitru l-għan huwa nobbli għaliex il-flus li se jinġabru b’risq il-Malta Community Chest Fund.
F’din il-festa anki ta’ solidarjetà dawk li se jattendu se jkunu jistgħu jixtru l-larinġ filwaqt li tazza larinġ magħsur frisk ma jonqosx.
Imbagħad għal min żaqqu taqgħalu se jkun jista’ jduq xi kejk tal-larinġ magħmul fil-kċina tal-President u jixtri l-ġam u prodotti oħra b’togħmiet tal-larinġ.