Ingliż ta’ 42 sena residenti San Pawl il-Baħar inħeles mill-arrest b’numru ta’ kundizzjonijiet wara li tressaq il-Qorti b’akkużi ta’ vjolenza domestika fuq omm uliedu.
Huwa kien akkużat ukoll, li mingħajr l-intenzjoni li joqtol jew li jpoġġi l-ħajja tas-sieħba tiegħu f’periklu, huwa kkaġuna feriti ħfief fuqha kif ukoll li insulentaha u li heddidha.
Fil-Qorti kien spjegat kif għall-ħabta tad-21:30 ta’ jumejn ilu, daħal rapport fl-għassa tal-Pulizija tal-Qawra dwar vjolenz domestika. Hawnhekk, il-vittma nstabet f’darha b’daqqa fuq moħħha u bid-demm nieżel ma’ wiċċha. Din ittieħdet għall-kura minnufih, u fuq il-post issejħu ħaddiema tal-Aġenzija Appoġġ għal risk assessment. Huma wasslu għall-konklużjoni li hemm riskju għoli, u l-akkużat ġie arrestat minnufih.
Jidher li minn investigazzjoni li saret, kien hemm rapporti oħra ta’ vjolenza domestika fil-konfront tal-akkużat, li kienu inqas serji minn dan tal-aħħar. Fil-ħin tal-interrogazzjoni, l-akkużat innota li s-sieħba tiegħu kienet fis-sakra waqy t-argument, minkejja li sakemm ittieħdet għall-kura ma kien hemm ebda indikazzjoni ta’ dan.
Huwa wieġeb mhux ħati għall-akkużi miġjuba kontrih, u l-Qorti laqgħet it-talba għall-ħelsien mill-arest abbażi ta’ depożitu ta’ €500 u garanzija personali ta’ €3,000.
L-akkużat qed ikun ordnat li jiffirma darbtejn fil-ġimgħa fl-għassa tal-Pulizija ta’ Birżebbuġa, fejn se jmur jgħix, filwaqt li nħarġet ordni ta’ protezzjoni favur il-vittma għad-durata tal-proċeduri legali f’dan il-każ.