Fid-Dar tal-Providenza fis-Siġġiewi, il-klabb tal-qdif tar-raħal, organizza attività biex jiġbor fondi b’risq din l-istess dar.
Kienu bosta li ttantaw xortihom billi qadfu għal siegħa sħiħa mingħajr waqfien.
Fost il-parteċipanti preżenti fil-gym tad-Dar tal-Providenza kien hemm Luca, l-iżgħar parteċipant li għad għandu biss tnax–il sena.
Qal, “Ili nittrenja għaliha qisu xi sena milli bdejt ir-rowing u mbagħad bdejna naħdmu għal din u jien ġejt hawn illum biex niġbor għal kawża ġusta għad-Dar tal-Providenza u biex nieħu pjaċir ukoll.”
Iħeġġu maġenbu kien hemm ħuh Nick li għandu sittax–il sena u huwa paralimpiku.
F’Novembru kiser rekord fejn qadef ekwivalenti ta’ ħames mitt metru fi ftit sekondi u matul din l-attività kellu l-mira li jikser rekord ieħor li jaqdef siegħa sħiħa.
Qal, “Jien f’dan l-isport bdejt qisu dan iż-żmien sena. Kont ġejt, kien hawn maratona tar-rowing u kont pruvajt u kien għoġobni ħafna. Imbagħad minn hemmhekk bqajt niġi u bqajt nittrenja biex imbagħad wasalt li nista’ nagħmel world record.”
Tkellimna wkoll mal-President tal-Klabb tal-Qdif tas-Siġġiewi, il-Professur Joseph Grima li spjega magħna l-importanza tad-Dar tal-Providenza fi ħdan il-komunità.
Qal, “Id-Dar tal-Providenza hija parti essenzjali, parti integrali mill-komunità Siġġiwija u aħna ħassejna l-obbligu tagħna li bħala parti mill-attivitajiet tagħna ta’ din is-sena ngħalqu s-sena b’mod sabiħ billi nkunu ġenerużi u nagħmlu ġabra għad-Dar tal-Providenza u ġejna hawnhekk biex nuru solidarjetà tagħna ma’ min imexxi din id-dar u r-residenti tagħha.”