Fil-Bulgarija, eluf ta’ Kristjani Ortodossi injoraw it-twissijiet maħruġa mill-awtoritajiet tas-saħħa biex ma jieħdux sehem f’attivitajiet tal-massa minħabba l-imxija, u minflok komplew bit-tradizzjonijiet tal-Epifanija li jmorru lura sew fiż-żmien.
Diversi persuni qabżu ġo xmajjar nġazzati madwar il-Bulgarija biex fost l-oħrajn jiġbru s-slaleb tal-injam li jintefgħu fl-ilma mis-saċerdoti bħala parti minn ċerimonja li tfakkar il-magħmudija ta’ Ġesù.
Leġġenda marbuta ma’ din iċ-ċerimonja tgħid li kull persuna li tiġbor salib, tinħeles minn spirti ħżiena u jkollha saħħa tajba tul is-sena kollha.
Il-pulizija għamlu t-twissijiet tagħhom billi heddew li kull min jaqbeż se jeħel multa, madanakollu t-twissijiet ġew injorati; b’dawk li ħadu sehem fiċ-ċerimonja webbsu rashom u komplew b’dak li kellhom ippjanat.
L-Epifanija timmarka t-tmiem tat-12-il jum tal-Milied, iżda mhux il-knejjes Kristjani Ortodossi kollha jiċċelebrawha fl-istess jum. L-Epifanija fir-Russja, l-Ukrajna u s-Serbja tiġi ċċelebrata fid-19 ta’ Jannar, hekk kif illum huma qed jiċċelebraw il-Milied.