Il-ftehim finali milħuq f’Dubaj għall-COP28 jitkellem għall-ewwel darba dwar tranżizzjoni lil hinn mill-fossil fuels.
Fil-fatt, f’dan il-ftehim, il-pajjiżi qed jintalbu jibdew bit-tranżizzjoni lil hinn mill-fossil fuels biex jilħqu emissjonijiet net żero sas-sena 2050.
Biex intlaħaq dan il-ftehim kien hemm diversi negozjati li intensifikaw fl-aħħar sigħat u f’ħinijiet minnhom kien hemm anke l-biża’ li jista’ jisfaxxa kollox.
Il-Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Intrapriża, Miriam Dalli, li kienet parti min-negozjati f’isem l-Unjoni Ewropea, qalet li għalkemm dan il-ftehim mhux is-soluzzjoni finali għat-tibdil fil-klima, madanakollu għall-ewwel darba l-pajjiżi kollha qablu li d-dipendenza fuq il-fossil fuels trid tispiċċa.
“Huwa pass importanti ’il quddiem. Fil-fatt, ġie deskritt bħala ftehim storiku għaliex għall-ewwel darba kellek il-pajjiżi kollha iktar minn 195 pajjiż, li qablu li jridu jibdew mixja biex jeħilsu mill-fossil fuels. Il-fossil fuels huma dawk is-sorsi li l-iktar iniġġsu u l-iktar li jagħmlu ħsara.”
Miriam Dalli – Ministru
Il-Ministru Dalli rrimarkat ukoll kemm dan it-tragward ma kienx faċli minħabba r-realtajiet diversi ta’ pajjiżi differenti, f’dan il-qasam.
“Ovjament ma kienx faċli għaliex għandek pajjiżi li għandhom realtajiet totalment differenti. Għandek pajjiżi li għadhom jużaw il-faħam. Għad għandek pajjiżi li għadhom itellgħu ż-żejt u ovjament kull pajjiż jipprova anke jħares l-interessi tiegħu.”
Miriam Dalli – Ministru
Intant, intlaħaq qbil ukoll biex l-għajnuna għall-pajjiżi l-inqas żviluppati biex ikunu jistgħu jadattaw għat-tibdil fil-klima, tirdoppja minn dik li tingħata llum.
“Hemmhekk min naħa tagħna bħala Malta flimkien mal-kollega tiegħi mill-Awstrija konnha qed ninnegozjaw fuq il-Global Goal on Adaption. Test li ġie mifthiem l-ewwel darba fejn fost l-oħrajn anke ftehmna li ser jiġu rduppjati l-finanzjament għal dawk il-pajjiżi li huma l-agħar milquta u li għandhom bżonn jadattaw għat-tibdil fil-klima.”
Miriam Dalli – Ministru
Din kienet l-ewwel darba li ntlaħaq qbil fuq mira globali għall-adattament għall-klima, li fost l-oħrajn jinkludi wkoll programm ta’ kull sentejn li jieħu kont tal-progress li jkun sar fl-oqsma tal-iskarsezza tal-ilma, il-produzzjoni tal-ikel, is-saħħa, l-ekosistemi u l-bijodiversità, l-infrastruttura, il-faqar u l-kultura.
Fost il-mexxejja internazzjonali li attendew għall-ftuħ tal-COP28, kien hemm ukoll il-Prim Ministru Malti Robert Abela li sostna l-pożizzjoni ta’ Malta favur ftehim ambizzjuż. Għall-ewwel darba Malta kienet involuta fin-negozjati f’isem l-Unjoni Ewropea permezz tal-Ministru Miriam Dalli, bl-appoġġ tat-tim tekniku Malti u l-Ambaxxatriċi għat-Tibdil fil-Klima, il-Profs. Simone Borg.