Raġel ta’ 36 sena miċ-Ċile waqa’ fil-baħar f’Tas-Sliema. Allegatament, ir-raġel li kien miexi ma sħabu inġibed mill-baħar qawwi li bħalissa qed jolqot iż-żona. Immedjatament fuq il-post intalbet l-għajnuna tal-Forzi Armati ta’ Malta, fejn marru fuq il-post permezz ta’ ħelikopter u patrol boat. Huwa ttella mill-baħar bil-ħelikopter u ttieħed fil-Park and Ride ta’ Pembroke, fejn minn hemm ġie trasferit għal ambulanza b’tim mediku mill-isptar Mater Dei. Ir-raġel jidher li ma sofriex ġrieħi gravi.
Kawża tal-irjieħat qawwija diversi dgħajjes li kienu marbuta f’żoni li huma miftuħa għall-Grigal inqatgħu minn mal-mażżri tagħhom bil-konsegwenza li spiċċaw iħabbtu mal-blat.
Il-Grigalata mistennija tibqa’ tippersisti matul il-ġurnata tal-Ħamis bis-siti tat-temp jindikaw mewġ li jista’ jlaħħaq ħames metri. Il-bieraħ ir-Red Cross ħarġu twissija lill-pubbliku sabiex jevita ż-żoni l-aktar milquta speċjalment ta’ Sliema, Marsascala u l-Mellieħa sabiex jiġi evitat kull periklu. Ir-Red Cross qalet ukoll li t-torri tal-lifeguards f’Fond Għadir f’Tas-Sliema sofra diversi ħsarat wara li nqala’ bil-mewġ kbir li ħakem liż-żona.