Ħaddiema tal-Protezzjoni Ċivili jinsabu għaddejjin b’ħidma delikata biex isibu lil Miriam Pace, mara ta’ ħamsa u ħamsin sena u omm ta’ żewġt itfal mill-Ħamrun li jidher li spiċċat intradmet f’darha stess.
L-inċident seħħ għall-ħabta tas-sagħtejn u nofs fi Triq Joseph Abela Scolaro, fil-Ħamrun.
Id-dar tal-familja ġġarrfet kważi għalkollox b’parti mit-tifrik spiċċa f’sit ta’ kostruzzjoni li fil-ħin tal-inċident jidher li kienet qiegħda tiġi skavata minn ħaddiema tal-kuntrattur. Xhieda fuq il-post qalu lil ONE NEWS li d-dar tal-familja Pace ġġarrfet f’ħakka t’għajn.
Minnufih waslu fuq il-post bosta vetturi tat-tifi tan-nar u ambulanzi mill-Isptar Mater Dei. Il-ġirien għarrfuhom mill-ewwel li fid-dar kienet tgħix Miriam u li f’dak il-ħin setgħet kienet id-dar.
Fuq il-post ma damx ma wasal ukoll żewġha u qrabatha li dehru mbikkma u fuq ix-xwiek jistennew b’aħbarha bit-tama li kienet għadha ħajja. Sorsi fuq il-post ikkonfermaw ma’ one news li l-ħaddiema tal-protezzjoni ċivili llokalizzaw il-mobile tagħha.
F’aġġornament lill-ġurnalisti fuq il-post, il-Kelliem tal-Pulizija Brandon Pisani qal li fil-ħin tal-inċident, Miriam jidher li kienet fl-ewwel sular tad-dar tagħha u li tfittxija għaliha mistennija tieħu bosta sigħat.
Fuq il-post marru wkoll l-ogħla awtoritajiet tal-pajjiż fosthom il-Prim Ministru Robert Abela u l-Ministru għall-Intern Byron Camilleri li segwew mill-qrib l-operazzjoni li kienet għaddejja mill-ħaddiema tal-protezzjoni ċivili.
F’kummenti lill-midja fuq il-post, il-President tal-Assoċjazzjoni tal-Iżviluppaturi Maltin Sandro Chetcuti qal li din hija traġedja kbira, aktar u aktar jekk ikun hemm nies li weġġgħu jew agħar minn hekk li tilfu ħajjithom.
Qal li jinsab bla kliem u inkwetat. Ittama li ssir ġustizzja u min kien responsabbli għal din it-traġedja jitgħabba bir-responsabbiltà.
Is-Sur Chetcuti wiegħed li se jgħin lill-Gvern sabiex jaraw lin-nies ikunu siguri fi djarhom.
Intant dwar il-każ infetħet inkjesta maġisterjali mmexxija mill-Maġistrat Claire Stafrace Zammit li ħatret bosta esperti biex jgħinu fl-inkjesta.
Il-Pulizija għadha għaddejja bl-investigazzjonijiet tagħha.