• JGĦIDU LI T-TMEXXIJA M’GĦANDHIEX TIEĦU PASSI KONTRIH
• ISIRU NUMRU TA’ LAQGĦAT BIEX JIKKONTROLLAW IS-SITWAZZJONI
Edwin Vassallo għandu l-appoġġ intern ta’ numru ta’ deputati Nazzjonalisti li anke jekk fil-Parlament ma vvotawx bħalu qed jinsistu li l-Partit Nazzjonalista m’għandux jieħu passi kontra tiegħu minħabba l-vot kontra l-liġi tal-ugwaljanza fiż-żwieġ. Id-dibattitu u l-vot kontra l-ugwaljanza fiż-żwieġ ta’ Edwin Vassallo kompla jżid mal-konfużjoni li kienet diġà teżisti fil-Partit Nazzjonalista u fl-aħħar jiem saru numru ta’ laqgħat bil-għan li s-sitwazzjoni tikkalma xi ftit.
Laqgħat li f ’uħud minnhom kien involut Simon Busuttil innifsu. Wara l-laqgħa tal-grupp parlamentari ta’ nhar il-Ġimgħa, imkejjen fil-Partit Nazzjonalista qalu li l-membri tal-grupp parlamentari u l-membri tal-Kumitat Eżekuttiv huma maqsuma fi tliet gruppi differenti.
Dawk li qegħdin iżommu mal-linja ta’ Simon Busuttil, dawk li huma kontra l-liġi kif proposta u dawk li huma għalkollox kontra bħal Edwin Vassallo u oħrajn li fil-Parlament tkellmu b’mod ċar.
Minkejja li fil-Parlament tressqu numru ta’ emendi fi stadju ta’ kumitat bil-għan li dawk li huma kontra l-liġi jikkalmaw xi ftit, dan ma ħalliex ir-riżultati mixtieqa.
Fil-fatt mhux biss deputati Nazzjonalisti tkellmu qatta’ bla ħabel kontra l-liġi proposta iżda filgrupp parlamentari komplew jagħmluha ċara li din hi ħadma ta’ Simon Busuttil li ma kellhomx għalfejn jerfawha huma meta ma kinux ikkonsultati dwarha.
U r-rabja għal Simon Busuttil żdiedet u mhux naqset wara l-vot ta’ Edwin Vassallo fil-Parlament għax hemm min qed jakkużah li f ’mument fejn il-Partit Nazzjonalista suppost qed jirrifletti dwar kif se jiġ- bor il-biċċiet wara l-elezzjoni spiċċa mifrud iktar minn qatt qabel.
Huma dawn id-deputati li qed jappoġġjaw lil Vassallo u li qegħdin jgħidu li anke jekk ma jaqblux li mar kontra l-whip tal-grupp parlamentari passi dixxiplinarji kontra tiegħu jibagħtu messaġġ ħażin.
Anke għax il-pożizzjoni ta’ Vassallo qed tikseb l-appoġġ mill-faxxa konservattiva tal-Partit Nazzjonalista. Biex Simon Busuttil ma jidhirx li se jkun qed iċedi permezz ta’ terzi twassal il-messaġġ lil Edwin Vassallo li jekk jivvota favur nhar l-Erbgħa allura l-kapitlu jingħalaq darba għal dejjem.
Iżda, oħrajn madwar il-kap insistew fl-aħħar sigħat li se jintbagħat messaġġ ħażin li kulħadd jista’ jagħmel li jrid. Anke għaliex hemm min qed jgħid li Vassallo issa qabeż xi ftit il-linja. Fil-fatt, ilbieraħ Vassallo qal li Simon Busuttil, il-kap tal-partit tiegħu, huwa fake, jew aħjar falz.
F’kummenti mat-Times of Malta dwar il-vot tiegħu kontra l-liġi tal-ugwaljanza fiż-żwieġ Edwin Vassallo ma qagħadx idur mal-lewża u reġa’ tenna li jrid vot ħieles. Appell li fil-Parlament għamlu wkoll Claudio Grech, għalkemm b’mod inqas dirett. “Primarjament jien nixtieq ningħata l-possibbiltà tal-free vote. Fin-nuqqas tal-free vote nieħu d-deċiżjonijiet tiegħi,” qal Vassallo.
Li Edwin Vassallo deputat Nazzjonalista jattakka l-Prim Ministru hija mistennija, iżda din id-darba ma waqafx hemm.
Fl-attakk żied lill-kap tal-partit tiegħu stess, Simon Busuttil. Vassallo qal “Fil-preżent kull ma qed nara huwa liberaliżmu falz ta’ Muscat u Busuttil jipprovaw jgħidu li huma liberali filwaqt li ma jippermettu lil ħadd jaħseb differenti. Din hi oppressjoni tad-drittijiet fundamentali.”
Edwin Vassallo kompla jtenni li jrid vot ħieles u reġa’ semma l-eżempju tal-Parlament Ġermaniż fejn Angela Merkel, mill-istess familja tal-Partit Nazzjonalista, tat vot ħieles.
Hu qal, “Fil-Parlament Ġermaniż Merkel, għal-ligi li lanqas hija kkumplikata daqs tagħna, tathom il-free vote, għaliex aħna le?” “Kemm se ndumu nżommu deputati tagħna mjassrin f ’din it-tip ta’ demokrazija. Libertà li ħadd mhu jirrispetta?” staqsa Vassallo.
Edwin Vassallo għamilha ċara wkoll li l-ġlidiet tiegħu se jagħmilhom mill-Partit Nazzjonalista.