Aktar minn 6,000 persuna applikaw għall-iskema li fetaħ il-Ministeru għall-Affarijiet Barranin fil-bidu t’April, għal dawk il-barranin li qegħdin f’Malta u jixtiequ jmorru lura pajjiżhom.
Il-maġġoranza li applikaw, aktar minn tlett elef u erba’ mija, huma persuni li jridu jmorru f’pajjiż barra mill-Unjoni Ewropea, filwaqt li l-oħrajn qed ifittxu li jirritornaw f’pajjiżi fl-Ewropa.
Il-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropej Evarist Bartolo spjega li s-sitwazzjoni għal dawk li jridu jmorru f’pajjiżi barra mill-Unjoni Ewropea, hija aktar kumplessa.
Huwa spjega: “Għandna mbagħad nies biex nibagħtu aktar ’il bogħod jiġifieri hemmhekk ovvjament l-isfidi huma ikbar anki minħabba mhux biss id-distanza imma minħabba li rridu naraw l-ajruporti hemmhekk u t-titjiriet li jkunu possibbli.”
Bħala parti minn din l-iskema volontarja, diġà ġew ripatrijati 975 persuna –660 minnhom intbagħtu f’pajjiżi fl-Unjoni Ewropea, u 315 f’pajjiżi barra mill-Ewropa.
Dan minbarra oħrajn li l-istess Ministeru għen biex jiġu ripatrijati, qabel ma fetħet din l-iskema u meta kien għadu miftuħ l-ajruport.
Il-Ministru Bartolo sostna: “Is-sehem tagħna hu li ngħinu lil dawn in-nies biex ma jkunux bi prezzijiet kummerċjali għaliex jekk inti qed tivvjaġġa bi prezzijiet kummerċjali u tlift ix-xogħol tiegħek minħabba l-pandemija, aħna jidhrilna li dawn huma nies li taw sehemhom lill-pajjiż, u tajjeb li ngħinuhom biex imorru lura d-dar.”
L-arranġamenti qed isiru b’ħidma mal-Air Malta u l-Virtu Ferries.