Il-partijiet involuti fis-settur finanzjarju tennew l-appell għall-għaqda li wassal il-Prim Ministru Robert Abela wara d-deċiżjoni tat-Task Force t’Azzjoni Finanzjarja li tpoġġi lil Malta fi proċedura ta’ iktar moniteraġġ fil-qasam finanzjarju.
Dan deher biċ-ċar fl-istqarrijiet tal-Istitut għall-Ħaddiema fil-qasam tas-Servizzi Finanzjarji u anke tal-Kamra tal-Kummerċ.
Fil-fatt l-Istitut innota kif mill-aspett tekniku Malta hija konformi mar-rakkomandazzjonijiet kollha tal-FATF, għal kuntrarju ta’ pajjiżi oħra li mhumiex fil-lista l-griża.
L-istitut innota wkoll il-ħidma kbira li saret fl-aħħar xhur sabiex ikompli jkunu miġġielda ir-reati kriminali fil-oqsma finanzjarji.
Dwar dan ONE News tkellem mal-President tal-IFSP, Wayne Pisani.
“Irridu naħdmu flimkien biex dak li għandu jsir, isir u mhux nibqgħu noħonqu però l-industrija b’iktar regolamenti għaliex hija ċara li r-regolamentazzjoni qegħda hemm imma li nimplimentaw b’mod għaqlu, effettiv u proporzjonali dak kollu li hemm bżonn isir biex l-effettività tal-miżuri li ġew mgħoddija mill-Parlament twassal biex Malta tinqala’ minn fuq il-lista l-griża.”
Minn naħa tagħha l-Kamra tal-Kummerċ irrimarkat ukoll il-ħidma li trid issir fil-qasam ta’ implimentazzjoni effettiva sabiex Malta tirritorna fil-lista l-bajda.
Hija tenniet l-element tal-għaqda li hemm bżonn sabiex pajjiżna ma jdumx f’din il-pożizzjoni.
Ma’ ONE News, il-President tal-Kamra tal-Kummerċ, Marisa Xuereb sostniet li din l-għaqda trid toħroġ fis-seħħ ukoll fil-messaġġi li jintbagħtu mhux biss lokalment iżda anke barra minn xtutna.
“Irridu ninvestu ħafna iktar sforzi fuq ħa nsejħilha l-propaganda tal-pajjiż fuq livell internazzjonali. Jiġifieri li nitfgħu lil Malta tajjeb fuq livell Ewropew primarjament għax aħna membri tal-Unjoni Ewropea u anke fuq livell internazzjonali jiġifieri rridu noqgħodu attenti kif nimmarkitjaw lill-pajjiż, x’tip ta’ messaġġi nibgħatu u x’tip ta’ industriji nimmiraw.”