Hekk kif aktar kmieni din il-ġimgħa waslu l-ewwel konsenji tal-vaċċin tal-Covid-19 għat-tfal u beda l-programm ta’ tilqim għat-tfal, bosta ġenituri laqgħu l-invit mill-Awtorità tas-Saħħa sabiex ilaqqmu lil uliedhom.
Fil-fatt fl-Università l-programm ta’ tilqim kien għaddej ġmielu l-Ġimgħa filgħodu, b’bosta tfal jitlaqmu qabel imorru għall-iskola, u aktar adulti jistennew biex jieħdu d-doża addizzjonali tal-vaċċin.
Fosthom kien hemm Adriana Vella u Adrian Chetcuti u wliedhom Matteo u Luca, li b’entużjażmu ġew jitlaqqmu.
Il-ġenituri tagħhom spjegaw ma ONE News kif f’temp ta’ ftit ħin, huma laqqmu lil uliehom qabel bdew il-ġurnata ta’ ħidma tagħhom. “Kien moviment fast ħafna. Minn x’ħin fetah il-bieb sakemm lestejna lanqas għaddiet kwarta naħseb, u kien hawn tfal mhux ħażin, kien hawn ammont sostanzjali, naħseb kien hawn erbgħin wieħed.”
Minkejja l-ħafna għidud li hemm dwar il-vaċċini għat-tfal madwar id-dinja, huma sostnew li għażlu li joqogħdu fuq il-pariri tal-professjonisti, hekk kif qabel laqqmu lil uliedhom, staqsew għal parir mingħand tabib speċjalizzat fuq it-tfal. “Aħna fil-bidu wkoll konna daqxejn xettiċi, għaliex hija sitwazzjoni u realtà ġdida għal kulħadd, però fil-verità jien naħseb li n-nies għandha bżonn tiżen bejn il-vantaġġi li għandu l-vaċċin u l-perikli li ħafna nies ġieli jsemmu. ”
Tennew li issa li tlaqqmu t-tfal ukoll jistgħu jgħixu b’aktar serħan il-moħħ, filwaqt li jkomplu jgawdu dan l-istaġun ta’ festi aktar viċin in-normalità. “Aħna nemmnu li l-ftt li t-tfal issa huma imlaqmin se żżommhom il-bogħod mill-virus hux hekk. Dawn jiltaqaw ma ħafna tfal u nies oħrajn u għall-inqas ma jkunux imċaħdin milli jkomplu bl-attivitajiet tagħhom anke wara l-iskola hux hekk.”