Parlamentari Laburista lbieraħ filgħaxija appella lill-Knisja f’Malta biex ma tidħolx f’suġġetti ta’ natura politika u ma tirrepetix l-iżbalji tal-passat.
Meta kien qed jitkellem fl-aġġornament, il-membru parlamentari Laborista Etienne Grech qal jekk il-Knisja f’Malta taġixxi bħal entità politika, l-istruttura tagħha se titpoġġa f’pożizzjoni stramba biex topera f’soċjetà demokratika. Fl-imgħoddi, l-Knisja mhux dejjem imxiet kif kellha timxi u għamlet diversi żbalji għax ma tistax tkun bħal partit politiku jew NGO.
Huwa fakkar li kien hemm żmien meta ħadet deċizjonijiet li mhux dejjem kienu fl-interess tan-nies. Madankollu ammetta li minkejja kollox għal mijiet ta’ snin il-Knisja f’pajjiżna kienet kruċjali biex iżżomm l-għaqda fost il-Maltin.
It-tabib Grech li fil-kwistjoni tad-divorzju l-Knisja kellha titkellem kontra iżda f’affarijiet oħra, bħal fil-każ tal-bini għoli jew allegazzjonijiet ta’ xiri ta’ viżi li nstab li ma kienux minnhom, il-Knisja m’għandhiex tindaħal. L-Arċisqof għandu jkun aktar kawt fit-tweets tiegħu biex ma jidħolx fi kwistjonijiet politiċi.
Huwa qal li r-rwol tal-Knisja għandu jkun limitat għar-rwol spiritwali u lill-poplu Malti għandha tgħallmu jżomm il-paċi.
Dr Grech qal: “Nemmen li l-Knisja f’Malta tat tama, kuraġġ u perseveranza anke lill-antenati tagħna fl-aktar mumenti koroh li fihom kellu jħabbat wiċċu pajjiżna. Iżda suġġetti ta’ natura politika m’għandhiex tidħol fihom u ma tirrepetix l-iżbalji tal-passat.”