L-Unjoni Ewropea teħtieġ sistema kkordinata għall-immigrazzjoni, li tiffoka fuq t-tfittxija u s-salvataġġ mill-awtoritajiet, waqt li taħseb ukoll biex il-piż tar-refuġjati jinqasam bejn il-pajjiżi kollha tal-Unjoni.
Dan qalu l-Membru Parlamentari Ewropew Cyrus Engerer aktar kmieni llum, waqt dibattitu fil-Parlament Ewropew flimkien mal-Kummissjoni Ewropea u l-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, dwar l-imwiet li seħħew riċentament fil-baħar Mediterran u t-tfittxija u s-salvataġġ fl-ibħra.
Din is-sena mietu kważi 700 persuna fil-baħar Mediterran, tlett darbiet iktar mill-istess perjodu s-sena l-oħra, minkejja li ċ-ċaqliq tal-persuni naqas drastikament, kawża tal-pandemija li qiegħdin ngħixu fiha.
Hu staqsa dwar kemm se ndumu ngħoddu l-iġsma fil-Mediterran, f’messaġġ mqanqal fejn wissa l-ħtieġa għal attenzjoni immedjata.
Qal kif ir-reazzjoni Ewropea għal dan kollu dejjem kienet li noffru t-talb u li nipprovaw ngħattu din l-isfida billi nitfgħula l-flus fejn intant, inħallu l-pajjiżi fil-fruntiera tal-Unjoni Ewropea waħedhom, minkejja li dik il-fruntiera hi waħda Ewropea, fruntiera tagħna lkoll.
Hu staqsa biex jimmaġinaw dawk is-700 persuna, daqs kemm qegħdin Membri Parlamentari f’dak il-Parlament, bilqiegħda fuq is-siġġijiet ta’ quddiemhom jispjegaw x’wassalhom biex jitilgħu fuq dawk id-dgħajjes minkejja li jafu kemm il-vjaġġ hu wieħed perikoluż u mingħajr sigurtà.
Engerer ikkonkluda billi qal li s-sigurtà hi dritt fundamentali ta’ kull bniedem.