Il-Ministru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali Michael Farrugia appella lill-ġenituri dwar verżjonijiet differenti ta’ ġugarelli forma ta’ armi li jkunu qed jintużaw mit-tfal u l-logħob fuq l-internet u mobiles permezz tat-teknoloġija moderna. Huwa qal li l-ġenituri jridu joqgħodu attenti dwar x’ġuġarelli jixtru u dwar x’logħob it-tfal jilgħabu.
Meta introduċa t-tieni qari tal-Abbozz ta’ Liġi li jemenda l-Att dwar l-Armi, il-Ministru qal li l-emendi li qed iressaq – li huma effett ta’ traspożizzjoni ta’ direttiva tal-UE – saru wara perjodu ta’ konsultazzjoni mal-istakeholders ikkonċernati.Huwa wissa wkoll li qed insibu fis-suq armi li jkun diffiċli biex jinqabdu mill-iscanners tal-ajruporti u postijiet oħra minħabba l-plastika li huma manifatturati bihom.
Il-Ministru Farrugia qal li l-gvern se jkompli jippromwovi l-isport tal-isparar kif ukoll il-kollezzjoni tal-armi sakemm dawn ikunu konformi mal-liġi.
Dan huwa konsegwenzjali għall-passi li ħa l-gvern f’dan is-settur, inkluż b’mod partikolari il-bini tax-shooting range il-ġdida li se tagħti wkoll l-opportunità lill-korpi dixxiplinati li jagħmlu taħriġ fuq distanzi twal.
Il-kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Intern, Beppe Fenech Adami żvela li f’Malta hawn, minn ras għal ras, arma għal kull persuna tal-popolazzjoni: 56,000 senter tal-kaċċa, 7,800 rifle, 10,000 pistola, 5,300 revolver, 500 machine gun, 477 sub-machine gun u 633 shot gun.