Il-kamra tal-inġiniera laqgħet ir-riforma li qiegħed iwettaq il-Gvern fil-qasam tal-kostruzzjoni.
Dan permezz tal-aġenzija għall-bini u l-kostruzzjoni, li dalwaqt se tinbidel f’awtorità u r-regoli l-ġodda fil-qasam tal-bini.
Riforma li l-għan ewlieni tagħha hu li tiġbor flimkien taħt qafas legali wieħed il-leġislazzjoni kollha relatata mas-settur.
Waqt business breakfast dwar is-saħħa u s-sigurtà fl-industrija tal-bini, il-President tal-Kamra l-inġiniera Daniel Micallef ddeskriva r-riforma bħala xi ħaġa pożittiva.
“Rajna din l-inizjattiva bħala xi ħaġa pożittiva ħafna, l-irwol tal-kamra tal-inġiniera nisperaw li jkun rwol attiv, bl-involviment dirett fuq il-bordijiet relevanti fuq din l-awtorità”, stqarr Micallef.
L-Inġinier spjega li l-kamra tibqa’ f’kuntatt kontinwu mal-Gvern biex tassigura li leħen l-inġiniera jkun parti mid-diskussjoni.
Micallef tenna li “Illum il-ġurnata bir-rivoluzzjoni diġitali naraw challenges ġodda li għandhom x’jaqsmu mas-sigurta tal-pajjiż u tan-nies. L-inġiniera huma key stakeholders f’dan. L-inġiniera permezz tax-xogħol u n-knowledge tagħhom jassiguraw is-sigurtà li l-poplu għandu bżonn”.
Tkellem ukoll il-Ministru għall-Infrastruttura Ian Borg li saħaq dwar l-importanza li l-kwalità tal-ħajja u l-miżuri li jridu jittieħdu biex tiġi assigurata kwalità tal-ħajja aħjar fil-bini.
Il-Ministru Borg stqarr li “Irridu nħarsu lejn il-ħajja tal-binja. Ma jistax ikun li aħna naħsbu biss kif ser nippjanaw u kif ser nibnu dik il-binja, fejn jaħdmu, jgħixu, jiddevertu n-nies imma anke l-ħajja tagħha. X’jiġri matul is-snin, min qed jieħu ħsiebha dik, x’enerġija qiegħda tikkonsma, kif qed nużaw enerġija aħjar. Allura dan hu katina ta’ żvilupp sostennibbli li għandu bżonn dan il-pajjiż”.
Huwa elenka l-passi li ħa l-gvern f’dan il-qasam fl-aħħar sena, bl-ikbar impenn tkun ir-riforma tal-liġijiet tal-bini permezz tat-twaqqif tal-Awtorità tal-Bini u l-Kostruzzjoni li bħalissa diġà bdiet topera bħala aġenzija.