Il-Kap tad-delegazzjoni Maltija għall-Unjoni Inter-Parlamentari, id-deputat tal-Gvern Randolph Debattista, indirizza l-145 assemblea ġenerali ta’ din l-organizzazzjoni globali tal-parlamenti nazzjonali minn madwar id-dinja kollha.
Din l-assemblea, li titlaqqa’ darbtejn fis-sena, qed tiġi organizzata fil-kapitali tal-Irwanda, Kigali, u qed tiffoka fuq kif il-parlamenti jistgħu joffru aktar ugwaljanza u sensittività fir-rigward tal-ġeneri sabiex jixprunaw bidla lejn dinja aktar reżiljenti u paċifika.
Id-deputat Debattista tkellem kontra l-vjolenza fuq in-nisa, u appella f’isem Malta biex aktar pajjiżi membri tal-Unjoni Ewropea u tal-Kunsill tal-Ewropa jirratifikaw il-Konvenzjoni ta’ Istanbul, li hija trattat tal-Kunsill tal-Ewropa kontra l-vjolenza kontra n-nisa u l-vjolenza domestika.
Huwa tkellem dwar l-importanza tar-rappreżentanza tan-nisa fil-parlamenti, mhux biss billi jkun hemm numri akbar ta’ nisa imma wkoll billi l-isituzzjonijiet li huma mmaskilinizzati jsiru aktar inklużivi minflok ma n-nisa jiġu sfurzati jadattaw għalihom.
Waqt din l-assemblea, tqajmet ukoll il-kwistjoni tal-kunflitt armat fil-Lvant tal-Ewropa, u Malta vvutat favur riżoluzzjoni mressqa miċ-Ċili li tikkundanna l-invażoni Russa; riżoluzzjoni li għaddiet b’saħħa kbira.