Jannar li għadda kien aktar kiesaħ min-norma klimatika, dan filwaqt li lejn l-aħħar tax-xahar it-temperatura niżlet għal minimu ta’ 4.2°C.
Fi stqarrija intqal kif din it-temperatura kienet l-aktar waħda baxxa għax-xahar li ġiet irreġistrata mill-Uffiċċju Meteoroloġiku minn Jannar 2019 ’l hawn, meta t-temperatura kienet niżlet għal 4.1°C.
It-temperatura massima ta’ Jannar li għadda, min-naħa l-oħra, laħqet it-18.1°C fit-tieni jum tax-xahar. Madankollu, din it-temperatura massima kienet ħafna aktar baxxa mit-temperatura rekord għax-xahar ta’ 25.8°C, li ntlaħqet f’Jannar 2021 b’riżlutat ta’ riħ sħun li ġie minn fuq id-Deżert tas-Sahara u sħab sfiq li qabad is-sħana fuq il-gżejjer Maltin.
Il-veloċità medja tar-riħ għax-xahar li għadda kienet ta’ 9.6 knots, jiġifieri veloċità kemxejn ogħla min-norma ta’ 8.9 knots. Fl-għaxar jum tax-xahar tkejlet buffura massima ta’ 45 knots mill-Majjistral, hekk kif diversi lokalitajiet f’Malta ntlaqtu minn ħalbiet ta’ xita bis-silġ. Din l-unika istanza li fiha niżel is-silġ matul ix-xahar li għadda ħabtet eżatt bejn żewġ maltempati bir-ragħad fis-7 u t-13 ta’ Jannar.
Is-seba’ jum tax-xahar kien l-aktar wieħed mudlam, hekk kif ix-xemx ma xirfitx. Madankollu, ix-xahar ta’ Jannar, b’mod ġenerali, kien ħafna aktar xemxi min-norma klimatika u dawwal il-jiem xitwin tax-xahar b’197 siegħa xemxin.
Ix-xita li niżlet matul ix-xahar ammontat għal 78.2 mm, jiġifieri total kemxejn aktar baxx min-norma kkalkolata bejn l-1991 u l-2020 ta’ 79.3 mm. L-aħħar li nqabżet din in-norma kien f’Jannar 2019,meta tkejlu 99.8 mm xita, eżatt 10 snin wara li l-aktar Jannar milwiem fuq ir-reġistri tal-Uffiċċju Meteoroloġiku xarrab lill-gżejjer Maltin b’248.2 mm xita.