“Ġawhra f’Qalbi… bħalek jien ma nsib imkien”, żewġ versi meħuda mir-ritornell tas-silta Ġawhra f’Qalbi, kanzunetta ġdida bil-Malti, b’kompożizzjoni u lirika ta’ Mark Scicluna f’kollaborazzjoni ma’ Janice Mangion, il-vuċi li twassalha.
Janice Mangion hi isem sinonimu mal-użu tal-ilsien Malti fil-kanzunetta, hekk kif wara n-nuqqas ta’ din l-istess lingwa fid-dinja tal-Malta Eurovision Song Contest, hija ħadet ċans, u b’ħafna kuraġġ issottomettiet Kewkba. Klassifikat fit-tieni post, u minn dakinhar ‘il quddiem qatt ma ħarset lura, b’numru ta’ kanzunetti li ħallew impatt fl-industrija lokali fosthom: Għadu Mhux il-Waqt mill-festival L-Għanja tal-Poplu, Teżor mill-ewwel edizzjoni ta’ Mużika Mużika kif ukoll: Warda, Xewqti u l-ewwel kanzunetta li hija kitbet bil-Malti, Sajjetta fil-Bnazzi.
F’vidjo mtella’ fuq il-midja soċjali aktar kmieni din il-ġimgħa, il-kantawtriċi stqarret li ‘kien wasal iż-żmien li nerġa’ nikteb kanzunetta. L-idea tberren f’moħħi kienet il-metafora tal-ġawhar prezzjuż li wieħed jgħożżu daqskemm jgħożż lil dawk li huma għeżież f’ħajjitna.’ Hi kompliet iżżid li din il-kanzunetta hija ‘tassew għal qalbi, għaliex fiha kelli ċ-ċans nesprimi d-diversi emozzjonijiet li nħoss.’
Bil-għan li tippromovi l-kanzunetta Ġawhra f’Qalbi, il-kantawtriċi u t-tim tagħha ħolqu immaġni mill-isbaħ bl-għajnuna ta’ Kurt Cauchi ġewwa l-bini storiku ta’ Palazzo Parisio. Dwar l-għażla tal-post, Janice stqarret li mill-ewwel ‘ħsibt f’dan il-post, jista’ jkun minħabba l-konenut tal-lirika, għaliex fih ċertu preġju.
Ġawhra f’Qalbi hija disponibbli biex tindaqq jew tinxtara fuq il-pjattaformi ewlenin tal-mużika diġitali fosthom: Spotify, Deezer, Google Play, Amazon and iTunes grazzi għall-kumpanija tad-distribuzzjoni internazzjonali; CAP-Sounds mil-lum.
Proprju l-ewwel daqq fuq ir-radju ser iseħħ fuq l-istazzjon ONE Radio 92.7 ma’ Dorian Cassar matul il-programm Drive Time għal ħabta tal-4:30 ta’ waranofsinhar. Janice Mangion ser tingħaqad f’kollegament dirett biex titkellem dwar Ġawhra f’Qalbi, u l-pjanijiet għall-futur qarib.