Janet Richard tinsab f’Budapest fejn fi tmien il-ġimgħa se tikkompeti fil-Kampjonat tad-Dinja tal-Atletika fl-ispeċjalità tagħha, l-400 metru.
Għal dawn l-aħħar snin, Richard kienet waħda mill-aktar atleti konsistenti fost l-aqwa atleti Maltin. Aktar kmieni dan is-Sajf, hija temmet fit-tieni post fil-Kampjonat Ewropew tat-Timijiet bil-Polonja b’rekord nazzjonali ġdid ta’ 52.37. Dan ir-riżultat, miksub f’Chorzow fl-20 ta’ Ġunju li għadda, kien kważi sekonda inqas ir-rekord preċedenti, tagħha stess, li kisbet is-sena li għaddiet fil-Kampjonat Ewropew fi Munich.
Għal Richard, dawn se jkunu t-tieni Kampjonati Dinjija, wara l-ewwel esperjenza f’Doha fl-2019. Hi mistennija tikkompeti fil-heat tagħha nhar il-Ħadd. L-atleta hi akkumpanjata mill-kowċ Rebecca Sare.
Fl-istess waqt, f’Budapest ukoll, World Athletics se torganizza l-Kungress tagħha, bil-parteċipazzjoni ta’ Athletics Malta, permezz ta’ Aldrin Cassar (President) u Darren Micallef (Teżorier).