It-tabib Jan Chircop ressaq kontro protest ġudizzjarju fil-konfront ta’ żewġt aħwa b’rabta ma’ allegazzjonijiet li saru fil-konfront tiegħu dwar wirt, liema allegazzjonijiet Chircop sejħilhom infondati u ċaħadhom.
Kienu l-aħwa Alberta u Jane Mangion li kmieni l-ġimgħa li għaddiet fetħu protest ġudizzjarju kontra t-tabib Chircop fejn allegaw li hu flimkien man-nutar Joseph Cilia, wettqu irregolaritajiet b’rabta mal-wirt ta’ ħuhom Mario Mangion.
Dan hekk kif Mangion tilef ħajtu waqt li kien pożittiv għall-Covid-19 lura fi Frar, fejn wara mewtu hu ħalla l-wirt tiegħu lit-tabib Chircop.
Fil-kontro-protest, it-tabib Chircop sostna kif Mangion kien ħabib kbir tal-familja tiegħu, tant li Chircop kien iqis lil Mangion bħala t-tieni missier tiegħu.
Kien għalhekk li Dr Chircop saħaq li fid-dawl ta’ dawn l-insinwazzjonijiet bla bażi se jkun qed jieħu l-passi neċessarji kollha biex iħares l-interessi tiegħu u ta’ familtu.
Il-kontro-protest ġie ffirmat mill-Avukati Matthew Paris, Luke Dalli u Ann Marie Cutajar.