Żewġt aħwa ta’ 22-il sena u 16-il sena ingħataw il-ħelsien mill-arrest sakemm jingħataw is-sentenza wara li ammettew li serqu minn u anke kkawżaw ħsara fuq ħanut tal-laħam fi Triq it-Teatru l-Antik fil-Belt Valletta.
Il-każ seħħ għall-ħabta tas-6:00 ta’ filgħodu tal-Ġimgħa, wara li sid il-ħanut mar fl-Għassa biex jirrapporta li kien għadu kif ġie misruq u li sab s-shutter maqlugħ minn postu.
Il-Prosekuzzjoni mmexxija mill-ispettur Jeffrey Scicluna spjegat li allegatament insteraq ukoll ammont ta’ flus kontanti mill-kaxxa tal-flus.
Wara li ammettew l-akkużi, il-Qorti ntalbet tħejji rapport qabel tingħata s-sentenza.
Il-ħelsien mill-arrest ingħata abbażi ta’ diversi kundizzjonijiet fosthom li jiffirmaw kuljum fl-għassa tal-Belt Valletta.