Sitt nisa Ukreni, li jaħdmu f’ salon tal-massaġġi, tressqu l-Qorti arrestati b’ rabta ma’ involviment fit-tmexxija ta’ burdell. Dan wara li l-Pulizija, mill-investigazzjonijiet tagħhom, sabu li ħanut f’ San Ġwann u ieħor f’ Santa Venera, allegatament qed jintużaw għall-prostituzzjoni jew għal skopijiet immorali oħra.
In-nisa kollha għandhom bejn 36 sena u 39 sena.
Erba’ minnhom ammettew l-akkużi miġjuba kontrihom u kienu kkundannati sena ħabs sospiżi għal sentejn, filwaqt li l-Qorti talbet lill-Uffiċjali tal-Immigrazzjoni biex jiddeterminaw għandhomx jintbagħtu lura f’ pajjiżhom.
It-tnejn l-oħra, li jaħdmu f’ dawn is-salons ukoll, wieġbu mhux ħatja, iżda ma ngħatawx il-ħelsien mill-arrest minħabba l-possibbiltà li jaħarbu.