Żagħżugħ ta’ tmintax-il sena minn San Pawl il-Baħar u tfajla ta’ 20 sena mis-Siġġiewi ngħataw il-libertà kkundizzjonata wara li tressqu l-Qorti akkużati li heddew u offendew uffiċjal tal-Pulizija.
L-allegat każ seħħ fl- 1 ta’ Mejju fix-Xatt ta’ San Ġorġ f’San Ġiljan, fejn l-akkużati allegatament kisru l-paċi pubblika u anke l-ordnijiet tal-awtoritajiet tas-saħħa biex ma jkunx hemm gruppi ta’ aktar minn tliet persuni fil-pubbliku. Dak il-ħin huma kienu parti minn grupp ta’ sitt persuni.
Iż-żewġ żgħażagħ ammettaw l-akkużi miġjuda kontrihom. Iż-żagħżugħ kien ordnat ma jagħmilx reat ieħor fit-tmien xhur li ġejjin, u t-tfajla kienet ordnata ma twettaq l-ebda reat fis-sitt xhur li ġejjin. Huma kienu mmultati disa’ mitt ewro kull wieħed ukoll.
Il-prosekuzzjoni f’dawn l-aħħar żewġ każijiet tmexxew mill-Ispettur Joseph Xerri mid-Distrett ta’ San Ġiljan.