Ngħaddu issa għal aktar aħbarijiet mill-awli tal-Qorti fejn żewġ Żvediżi ta’ 17-il sena, u li isimhom ma jistax jixxandar b’ordni tal-Qorti, ġew ikkundannati sentejn ħabs sospiżi għal erba’ snin wara li nstabu ħatja li l-Ġimgħa waranofsinhar serqu bi €12,000 f’ġojjelli minn ħanut tad-deheb li jinsab f’Buġibba.
Fil-Qorti, ippreseduta mill-Maġistrat tal-Għassa Leonard Caruana, intqal, li l-akkużati huma ħbieb u kienu fuq btala f’Malta.
Il-Prosekuzzjoni spjegat li l-akkużati ntlemħu minn uffiċjali tal-Pulizija li kienu qed jagħmlu ronda fi Triq il-Merluzz. Jirriżulta, li kif iż-żgħażagħ raw lill-Pulizija, huma ġabu ruħhom b’mod suspettuż u ħarbu jiġru.
Żagħżugħ minnhom inqabad minnufih u meta kien qed jiddaħħal fil-karozza tas-servizz, huwa rema brazzuletta tad-deheb li kien seraq mill-ħanut.
Iż-żagħżugħ l-ieħor ġie arrestat aktar tard f’lukanda fil-Qawra. Il-Pulizija sabulu brazzuletta u arloġġ tad-deheb li wkoll kienu misruqin mill-ħanut.
L-akkużati ammettew għall-akkużi miġjuba kontrihom.