Kevin Borg ta’ 41 sena minn Ħal Għaxaq tressaq il-Qorti wieġeb ħati għall-akkużi relatati ma’ hold-up f’pastizzerija f’Ħal Għaxaq stess it-Tnejn li għadda.
Ir-raġel li ma jaħdimx kien akkużat li t-Tnejn li għadda għall-ħabta tat-tlieta u kwart ta’ wara nofsinhar daħal fil-ħanut armat b’mus fil-ħin meta kien hemm impjegata ta’ 19-il sena u huwa talabha l-flus. Huwa kien akkużat ukoll li huwa riċediv.
Wara li ngħata ftit ħin jiddelibera mal-avukat tal-għajnuna legali huwa ikkonferma l-ammissjoni tiegħu għall-akkużi miġjuba kontrih.
Il-prosekuzzjoni spjegat kif l-akkużat kien ħareġ mill-vizzju tad-droga iżda minħabba xi problemi li daħal fihom fl-aħħar xhur u li hu ma kellux kontroll fuqhom, huwa spiċċa reġa’ daħal fil-vizzju tad-droga.
Spjega wkoll kif waqt li wettaq is-serqa huwa talab apoloġija lill-kaxxiera u qalilha li ser jirritorna l-flus hekk kif ikollu. Il-prosekuzzjoni għalhekk qalet kif ikun idoneju li jkun hemm ordni ta’ probation u ta’ trattament.
Is-sentenza ser tkun qed tingħata nhar it-Tnejn 10 ta’ Mejju fid-8.45am.