Jeffrey Attard, ta’ 49 sena, mill-Iklin ammetta għal akkużi ta’ frodi u miżapproprijazzjoni ta’ fondi li tlaħħaq it-€92,000.
Attard, li huwa kuntrattur, ġie mixli li ffroda tliet persuni bejn l-2019 u Jannar tal-2021.
Fil-Qorti nstema’ kif l-imputat xtara xi oġġetti u ppretenda li jħallas lura b’ċekkijiet minn kontijiet magħluqa jew li ma kellhomx biżżejjed fondi. Dawn il-kontijiet kienu marbuta ma’ konvenji fuq proprjetajiet.
Il-klijenti ta’ Attard stqarrew li kellhom jirrikorru għand il-Pulizija wara li għamlu konvenju mal-imputat u l-iżvilupp li kien responsabbli għalih ma nbeniex.
Wara li kkonsulta mal-avukati tiegħu huwa ammetta għall-akkużi miġjuba kontrih.
Il-Qorti laqgħet it-talba għall-ħelsien mill-arrest sakemm jintemmu l-proċeduri fil-Qorti, fosthom rapport biex il-Qorti tifforma opinjoni dwar il-penali għall-imputat.
Din it-talba kienet onorata b’depożitu ta’ €100 u garanzija personali ta’ €30,000.