Najah Agheez, Eġizzjan ta’ 34 sena ammetta li stupra turista Taljana fi stabbiliment f’Buġibba.
Huwa ġie akkużat li wettaq atti sesswali mingħajr il-kunsens fuq il-vittma, li ffastidjaha, li ġegħilha tagħmel atti intimi kontra l-volontà tagħha, li żammha kontra r-rieda tagħha u li kkawżalha biża’.
Dan apparti li kien akkużat li serqilha l-mowbajl, li kiser il-paċi pubblika, u li kien fis-sakra f’post pubbliku, filwaqt li kiser il-kundizzjonijiet tal-libertà proviżorja li ngħatatlu b’rabta ma’ każ simili fuq tfajla ta’ 17-il sena li jmur lura għal Frar 2022.
L-imputat ġie arrestat il-Ħamis wara li l-Pulizija identifikatu minn filmati minn kameras tas-sigurtà.
Id-difiża argumentat li l-imputat ma kienx jaf x’kien qed jagħmel wara li ħareġ jixrob fl-anniversarju mill-mewt ta’ ommu, filwaqt li talbet lill-Qorti biex jingħatalu trattament għad-dipendenza tiegħu fuq l-alkoħol.
Talba għall-ħelsien mill-arrest ma saritx filwaqt li s-sentenza se tkun qed tingħata nhar l-4 ta’ Mejju.
Rapporti fil-midja kkwotaw lill-vittma li qalet li l-imputat segwiha fil-kamra tagħha u allegatament tefagħha fuq is-sodda u wara stupraha. Il-ħaddiema tal-lukanda intlebħu b’dak li kien qed jiġri għax l-imputata bdiet tgħajjat. Huma daħlu u neħħew lill-imputat minn fuq il-vittma.