Madhu Sapkota, ta’ 25 sena min-Nepal, ammetta li seraq anzjana ta’ 75 sena, ħamest ijiem ilu f’San Pawl il-Baħar. Huwa ġie arrestat wara li ġie identifikat minn filmati tas-sigurtà.
Sapkota ġie mixli b’serq aggravat u li kkawża ġrieħi fuq l-anzjana.
Assisitit minn avukat tal-għajnuna legali, in-Nepliż ammetta l-ħtija fl-akkużi miġjuba kontrih, waqt li fil-Qorti ntqal kif l-akkużat m’għandux impjieg fiss.
Fid-deċiżjoni tiegħu, il-Maġistrat Joe Mifsud qallu li f’dan il-pajjiż ma jistax ikun li anzjani li jkunu qattgħu ħajjithom jaħdmu u jirsistu għal familthom, jiġu attakkati fit-toroq. Il-Maġistrat temm jgħid li dan hu messaġġ ċar li l-vjolenza m’għandhiex tiġi ttollerata.
Ir-raġel inżamm arrestat, filwaqt li s-sentenza mistennija tingħata f’Ottubru.