Joseph Buttigieg ta’ 46 sena mill-Marsa tressaq il-Qorti akkużat li kkommetta bosta serq fosthom fl-ajruport internazzjonali ta’ Malta u li huwa riċediv u li kiser il-kundizzjonijiet ta’ senteza sospiża.
Fost l-akkużi li ġie mixli bihom hemm serqa ta’ valur ikbar minn €2,300 fl-ajruport nhar it-3 ta’ Novembru. Dan wara li huwa seraq sitt elef ewro f’ġojjellerija minn tieqa ta’ ħanut fost l-oħrajn.
Huwa ġie akkużat ukoll li seraq oġġetti oħra minn pompa tal-petrol fil-qrib u li prova jisraq oġġetti oħra.
Filwaqt li d-Difiża ma kkontestatx l-arrest huwa wieġeb ħati tal-akkużi miġjuba kontrih.
Il-Prosekuzzjoni mmexxija mill-Ispetturi Saviour Baldacchino u Karl Roberts tenniet li ddiskutiet mad-Difiża u mal-akkużat u stqarr li dawn ir-reati saru minħabba problema kbira li għandu b’vizzju tad-droga. Stqarr li ma naħsbux li huwa għaqli li jerġa’ jitħalla waħdu fis-soċjetà u għalhekk il-piena ta’ priġunerija tkun waħda idoneja.
L-Avukata tal-għajnuna legali Martha Mifsud, stqarret li wieħed irid iħares lejn l-aspett riformattiv u l-piena għandha tagħti kull trattament kontra l-vizzju tad-droga. Xi ħaġa li pproponiet anke l-Prosekuzzjoni. Is-sentenza tiegħu ser tinqata’ fit-12 ta’ Novembru f’nofsinhar.
Aqra wkoll:
https://www.one.com.mt/2020/11/05/ragel-arrestat-brabta-ma-erba-serqiet-fl-ajruport/