Il-ġimgħa d-dieħla se tingħata s-sentenza lil raġel, li fil-Qorti ammetta li seraq mal-mija u ħamsin ewro minn ġo bott tad-donazzjonijiet f’kafetterija biex jiffinanzja l-vizzju tad-droga.
Manpreet Singh, ta’ sebgħa u għoxrin sena mill-Indja, ġie akkużat b’serq u li jgħix ħajja ta’ vagabond.
Fil-Qorti ġie spjegat li r-raġel ġie identifikat minn filmati ta’ kameras tas-sigurtà, li juru lir-raġel liebes hoodie b’basket wara dahru, jisraq il-flus li kien hemm ġo kaxxa tad-donazzjonijiet f’kafetterija f’San Pawl il-Baħar.
Sigħat biss wara, uffiċjali tal-Pulizija fil-Komunità fil-Ħamrun innutaw raġel li kien jixbah lis-suspettat, liebes l-istess ħwejjeġ u jġorr l-istess basket, u arrestawh.
Sakemm kien fil-kustodja tal-Pulizija, l-akkużat ammetta li seraq u qal lill-Pulizija li għamel żball stupidu.
Il-Prosekuzzjoni spjegat li Singh għandu problema tad-droga li trid tiġi indirizzata, u talbet li jingħata sentenza ta’ kustodja flimkien ma’ għajnuna ta’ rijabilitazzjoni sakemm ikun il-ħabs.
Is-sentenza se tingħata t-Tnejn li ġej.