F’Qorti Amerikana, Niġerjan ammetta l-akkużi ta’ serq u ħasil ta’ flus, fosthom li seraq kważi ħmistax-il miljun dollaru mill-Bank of Valletta, f’attakk virtwali fi Frar ta’ sentejn ilu.
Il-ħajja lussuża għall-influencer Niġerjan Ramon Abbas ta’ 37 sena mistennija tiġi fi tmiemha wara li f’Qorti f’Kalifornja wieġeb ħati għal skemi qarrieqa oħra, li swew lill-vittmi kważi $24 miljun.
Din l-ammissjoni tista’ twassal biex dak li għandu maż-żewġ miljun u nofs persuna jsegwuh fuq Instagram, jispiċċa l-ħabs għall-għoxrin sena.
“Hushpuppi”, kif kien magħruf fuq il-midja soċjali, mistenni wkoll jiġi ordnat jirritorna l-flus li seraq.
Huwa kien jippubblika bosta ritratti mill-ħajja lussuża li kien jgħix fosthom ilbies extravaganti u karozzi li jiswew ferm.
Fi stqarrija, l-Assistent Direttur tal-Uffiċċju tal-FBI, f’Los Angeles Kristi Johnson, iddeskriva lil Abbas bħala wieħed mill-iżjed persuni fid-dinja, li għandu profil għoli fejn jidħol il-ħasil ta’ flus.
Hu mifhum li Abbas ingħaqad ma’ tliet hackers Koreani biex iwettaq is-serq b’mod virtwali, fosthom minn fuq il-BOV.
Abbas kien ġie arrestat fl-Emirati Għarab Magħquda.