Frankie Pace ta’ 41 sena mill-Isla weħel seba’ snin u disa’ xhur ħabs wara li ġie mixli b’numru ta’ serqiet.
Il-Prosekuzzjoni spjegat kif huma kienu qed jinvestigaw iż-żewġ serqiet fil-Fgura fil-konfront li ta’ żewġ nisa barranin.
Mill-investigazzjoni ħareġ li l-akkużat kien il-persuna li kien mal-persuni li wettqet ir-reat.
Il-Prosekuzzjoni spjegat kif dakinhar ta’ waħda mis-serqiet huwa kien diġà ġie mitkellem mill-pulizija fuq tliet serqiet oħra li llum qed ikunu mixli bit-twettiq tagħhom ukoll.
Huwa ilu ftit xhur li ħareġ mill-faċilità korrettiva ta’ Kordin u wara li ħareġ beda jagħmilha ma’ kumpanija ħażina u reġa’ waqa’ fil-vizzju tad-droga.
Il-Prosekuzzjoni qalet kif fl-interrogazzjoni huwa ta deskrizzjoni dettaljata ta’ kull oġġett li seraq flimkien ma’ persuna kompliċi.
Huwa wieġeb ħati għall-akkużi miġjuba kontrih.
Il-Maġistrat Ian Farrugia indirizza lill-akkużat u qallu li issa wasal iż-żmien li jieħu din l-opportunità biex jagħmel programm tajjeb kontra l-vizzju tad-droga.
Huwa rrefera għal kawża oħra ta’ akkużat li dak iż-żmien kellu sittin sena.
Irrakkonta kif qabel ta s-sentenza kien tah l-opportunità li jitkellem.
Spjega kif l-akkużat bid-dmugħ f’għajnejh kien talbu jħenn għalih għaliex qatta’ ħajtu l-ħabs.
Huwa temm jappella lill-akkużat biex din is-sentenza joħodha bħala tagħlima.