Mohamed Anas Boualam, Marokkin ta’ 37 sena, ammetta fil-Qorti li qatel lil Joseph Carabott, sid il-ħanut tad-deheb fiż-Żurrieq li kien imsawwat waqt hold-up fl-2023.
Is-serqa seħħet fil-25 ta’ Awwissu ta’ dik is-sena, b’Carabott isofri ġrieħi serji. Kawża ta’ dik l-istess aggressjoni vjolenti hu miet fil-5 ta’ April li għadda fl-età ta’ 67 sena.
Hekk kif kompla jinstema’ l-każ quddiem il-Maġistrat Donatella Frendo Dimech, Boualam ammetta l-akkużi bl-imsemmija maġistrat tatu ftit tal-ħin biex jerġa’ jaħsibha, imma kkonferma l-ammissjoni. Is-sentenza mistennija tingħata fit-3 ta’ Ġunju li ġej.
It-Tabib Mario Scerri u l-patoloġista forensiku David Pisani xehdu li l-kawża tal-mewt kienet infezzjoni fis-sider direttament relatata mal-feriti li ġarrab l-anzjan dakinhar li ssawwat waqt il-hold-up.
L-akkużat l-ieħor, Zaouhair Hadoumi, li hu wkoll Marokkin, wieġeb mhux ħati għall-qtil involontarju ta’ Carabott u l-Qorti poġġietu taħt att ta’ akkuża, li jfisser li hemm biżżejjed provi biex jgħaddi ġuri.
Dwar dan il-każ diġà ġiet ikkundannata 28 sena ħabs Donna Borg Sciberras li, flimkien maż-żewġ Marokkini, kienet tressqet fil-Qorti.
Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispetturi Lydon Zammit u Anthony Vella flimkien mal-Avukat Kaylie Bonett f’isem l-Avukat Ġenerali.
L-akkużati qed jidhru għalihom l-Avukati George Anton Buttigieg u Mark Mifsud Bonnici.