Raġel ta’ 31 sena, li ismu ma jistax jixxandar fuq ordni tal-Qorti, tpoġġa taħt ordni ta’ probation wara li ammetta li pprova jwettaq atti sesswali fuq mara fil-21 ta’ Lulju li għadda fl-inħawi ta’ Paceville.
Jirriżulta li r-raġel qed jieħu kura psikoloġika minħabba l-vizzju tal-pornografija, kif ħareġ minn xhieda fil-Qorti minn uffiċjal tal-probation.
Qabel is-sentenza, il-Maġistrat Rachel Montebello qalet li fehmet li r-raġel hu ossessjonat bil-pornografija, inkluż dik li tinvolvi l-vjolenza. Hi qalet li din il-problema x’aktarx nibtet numru ta’ snin ilu meta l-imputat kien żagħżugħ b’karattru riservat u b’nuqqas ta’ stima tiegħu nnifsu.
Dan wassal biex jitrabba f’ambjent ikkaratterizzat min-nuqqas ta’ ħbiberiji u, ladarba kien jitħalla wkoll ħafna ħin waħdu d-dar f’età vulnerabbli, beda jara l-pornografija. Il-vizzju ggrava sew maż-żmien u żviluppa sal-estremità li l-imputat ħass li kellu jimmaterjalizza l-fantażiji pornografiċi tiegħu.
Il-Maġistrat qalet li l-imputat, waqt l-interrogazzjoni tal-Pulizija, mhux biss ammetta, iżda anke fetaħ qalbu dwar ħsibijiet biex iwettaq reati kif wettaq.
Tenniet li r-raġel, li ddispjaċih għal għemilu u wera x-xewqa li jegħleb il-vizzju, mhuwiex kriminali u jeħtieġ l-għajnuna. Hi rrimarkat li ilu sena jingħata l-kura mill-Fondazzjoni Richmond u applika biex f’Ottubru jibda kors fl-Università ta’ Malta.
Il-Maġistrat Montebello żiedet li taqbel mal-istess kliem tal-uffiċjal tal-probation biex ir-raġel ma jintbagħatx il-ħabs u jkompli jindirizza l-problema.
Kien għalhekk li poġġietu taħt ordni ta’ probation għal tliet snin, ħarġet ordni ta’ trattament għall-istess perjodu biex jingħata l-kura u anke ħarġet ordni ta’ trażżin għal 3 snin biex tipproteġi lill-vittma.