Raġel li ismu ma jistax jissemma minħabba ordni tal-Qorti ammetta li neża’ l-qalziet quddiem tfal waqt argument mal-ġirien.
Fil-Qorti, ir-raġel ta’ 47 sena minn Santa Venera ġie akkużat li ssoġġetta lill-minuri għal imġiba b’konnotazzjonijiet sesswali inkluż bil-fomm, bil-mossi u anke bl-għemil.
Huwa ġie akkużat ukoll li fl-istess ċirkostanzi offenda l-pudur jew il-morali b’għemilu f’post pubbliku.
L-imputat ammetta għall-akkużi miġjuba kontrih u l-Maġistrat tah sentenza sospiża għal tliet snin. Huwa ngħata wkoll multa ta’ €1000 li jrid iħallasha b’pagamenti ta’ €50 fix-xahar.
Hekk kif qara s-sentenza l-Maġistrat wissa lill-imputat biex ma jkellimx lill-persuni nvoluti f’dan il-każ.
Il-Maġistrat Ian Farrugia ħareġ ukoll ordni ta’ protezzjoni għall-vittmi.