F’kummenti li ta lill-midja, il-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech ammetta li f’laqgħat li kellu fi Strasburgu, fil-fora Ewropej, ma għamilx argumenti favur għala Malta għandha tgawdi minn fondi Ewropej għall-proġett tal-pipeline tal-gass u li minnu eventwalment jibda jgħaddi l-idroġenu, gass iktar nadif mil-LNG.
Mal-Maltatoday, Bernard Grech ma lissinx kelma favur li Malta tikseb il-finanzjament Ewropew għall-pipeline, meta mistoqsi dirett mill-ġurnalista jekk Malta għandhiex tiċċaħħad mill-fondi Ewropej għall-proġett.
Meta l-ġurnalista staqsiet, “So we should be denied the funding for the gas pipeline?”, Grech irrisponda, “Jien naħseb mhux kwistjoni ta’ denied jew mhux denied.”
Mal-midja msemmija, il-Kap tal-Oppożizzjoni ried jissika ma’ Malta.
Qal, “Fir-rigward tal-fondi rridu naraw li r-regoli Ewropej jiġu attwati u allura jekk hemm nuqqasijiet f’dak is-sens, irridu dawk ir-regoli jiġu segwiti b’mod verament ristrett.”
Quddiem dawn il-kummenti, il-Partit Laburista nnota li l-Kap Nazzjonalista reġa’ falla test ieħor favur l-interess nazzjonali.
Fi stqarrija l-Partit Laburista rrimarka li Bernard Grech ammetta li f’laqgħat li kellu, ma għamilx argument favur li Malta tikseb il-fondi Ewropej għall-proġett tal-pipeline.
Il-Partit Laburista saħaq li agħar minn hekk, f’kummenti ppubblikati fuq il-midja, Grech ipprova jitfa’ dubju dwar dan il-proġett billi juża argumenti li jaf li mhux minnhom.
Il-Partit Laburista nnota li kif kien diġà spjegat mill-entitajiet kompetenti, meta l-proġett tal-pipeline jimmaterjalizza, ikun il-poplu Malti u Għawdxi kollu li jgawdi minn arja iktar nadifa, diversifikazzjoni fis-sorsi tal-enerġija u anke prezzijiet tal-enerġija stabbli.
Il-Partit Laburista fakkar li s-sid uniku tal-proġett tal-pipeline se tkun kumpanija tal-Istat.
B’hekk il-Partit Laburista saħaq li kull kumment ieħor ta’ Bernard Grech jixhed li mhux biss irid iqarraq iżda ma jitlifx okkażjoni waħda biex jipprova jfixkel lill-pajjiż bil-għan li jimmina l-ħidma tal-Gvern favur il-Maltin u l-Għawdxin.
“Id-differenza bejn il-Partit Laburista u l-Partit Nazzjonalista fejn jidħol l-interess nazzjonali qatt ma ħarġet ċara daqs kemm ħarġet fl-aħħar 48 siegħa”, qal il-Partit Laburista.
Il-kummenti ta’ Grech, li jixhdu li m’argumentax favur il-proġett tal-pipeline tal-gass waslu wara l-konklużjoni ta’ negozjati li jipprovdu qafas leġiżlattiv li jagħti l-opportunità lil Malta u Ċipru, pajjiżi iżolati ġeografikament mill-kontinent Ewropew, biex japplikaw deroga li permezz tagħha jkunu jistgħu jgawdu minn fondi Ewropej biex jinvestu f’din l-infrastruttura.
Dan wara diskussjonijiet li saru anki bejn il-Presidenza tal-Kunsill tal-Ministri tal-Unjoni Ewropea, il-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni Ewropea.
Lejn l-aħħar tas-sena li għaddiet, Malta kienet innegozjat l-argumenti tagħha b’suċċess fil-Kunsill tal-Ministri qabel dawn in-negozjati, fosthom li dan il-proġett tal-pipeline huwa kruċjali biex ikun hemm livell indaqs ma’ stati membri oħra u biex jgħin lill-Gvern u l-Unjoni Ewropea jilħqu l-miri ambizzjużi tagħhom ta’ dikarbonizzazzjoni.
Fix-xhur li għaddew l-Awtorità tal-Ippjanar approvat b’mod unanimu l-bini ta’ pipeline tal-gass taħt il-baħar bejn Malta u Gela fi Sqallija.
Il-pipeline mistenni jkun twil mija u disgħa u ħamsin kilometru.
L-attakk tal-Oppożizzjoni Nazzjonalista ilu li beda jinħema kontra dan il-proġett, li mistenni jġib lejn pajjiżna gass ferm iżjed nadif anki mill-heavy fuel oil ta’ żmien GonziPN.
Quddiem dan kollu, il-Kamra tal-Kummerċ u anki l-midja indipendenti kienet ħarġet tappella għall-interess nazzjonali qabel il-partiġjaniżmu politiku u tennew il-ħtieġa li jkollna l-proġett tal-pipeline.