Fil-Qorti t’Għawdex, Ġermaniż ta’ 27 sena ammetta akkużi b’rabta ma’ kultivazzjoni ta’ ammont kbir tal-pjanti tal-kannabis, f’ammont li hu aktar milli tippermetti l-liġi.
Hu wieġeb ħati wkoll li, fil-31 ta’ Marzu li għadda u fil-ġimgħat u x-xhur ta’ qabel, biegħ jew ittraffika l-pjanta kannabis u li kellu fil-pussess tiegħu l-imsemmija droga.
L-akkużat ġie arrestat it-Tnejn filgħodu f’operazzjoni konġunta bejn sezzjonijiet differenti tal-Pulizija f’Għawdex.
Wara sorveljanza fuq residenza fi Triq ix-Xjuf ir-Riħ, in-Nadur, daħlu ġewwa, permezz ta’ mandat, u sabu kamra armata b’apparat relatat mal-kultivazzjoni tad-droga. Hawn instabu mal-20 pjanta tal-kannabis ta’ kull daqs, żrieragħ tal-istess droga kif ukoll oġġetti oħrajn relatati mal-kultivazzjoni tal-kannabis.
Fil-Qorti, l-Avukat tal-Għajnuna Legali talbet biex il-Ġermaniż jingħata l-ħelsien mill-arrest sakemm tingħata s-sentenza, liema talba ma ġietx milqugħa. Intalab ukoll biex il-ġuvni jingħata l-kura meħtieġa għal kundizzjoni psikoloġika li għandu.
Il-Prosekuzzjoni talbet ukoll biex qabel tingħata s-sentenza, tressaq aktar provi u għalhekk il-Maġistrat Simone Grech iddeferiet il-kawża għall-14 ta’ April li ġej.
Ritratt: JOE GRECH/TALK.MT