Roderick Monreal ta’ 32 sena ammetta li kiser il-kundizzjonijiet li ġew impostu fuqu wara li ngħata l-ħelsien mill-arrest meta ntlemaħ jiġġerra fit-toroq tar-Rabat, fejn jgħix, jittallab għall-flus biex jixtri d-drogi.
Il-prosekuzzjoni spjegat li qed jikser il-kundizzjonijiet imposti fuqu minħabb l-problema tad-droga.
L-akkużat, bid-dmugħ f’għajnejh talab maħfra u qal li jixtieq jibda programm ta’ rijabilitazzjoni. Il-Qorti, ippreseduta mill-Maġistrat Monica Vella, laqgħet it-talba tad-difiża u poġġiet lill-imputat taħt ordni ta’ trattament.
Qabel ħareġ mill-awla mill-pulizija l-akkużat skuża ruħu ma’ missieru li kien preżenti u qallu li jħobbu. Ir-raġel ittieħed fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin biex minn hemm jibda l-proċess u f’qasir żmien jibda programm ta’ rijabilitazzjoni mid-droga.