Elton Taliana li kien xufier tal-eks Ministru Nazzjonalista Tonio Borg ammetta li kien jaħdem bħala ‘bouncer’ waqt li kien xufier mal-Ministru.
Dan ħareġ wara li fil-Qorti kompla jinstema’ l-każ ta’ libell kontra l-ġurnalist tal-Maltatoday Raphael Vassallo.
Taliana ċaħad li fi żmien il-Kummissarju John Rizzo kien taħt investigazzjoni għaliex allegatament ħaraq il-bieb tal-editur tal-Maltatoday Saviour Balzan.
L-ispettur qal li min qal hekk lill-Kummissarju ried idaħħlu fl-inkwiet.
Għall-mistoqsijiet tal-avukat għall-Maltatoday, Taliana ma riedx jiżvela l-post fejn kien jaħdem ta’ ‘bouncer’ waqt li kien xufier tal-Ministru tal-Intern.
Huwa saħaq biss li ma kienx iservi ta’ ‘bouncer’ f’Paceville.
Quddiem il-Maġistrat Francesco Depasquale, l-Ispettur Taliana ċaħad li kellu relazzjonijiet mill-qrib ma’ Duncan Petroni li ġie arrestat fil-Brażil fuq traffikar tad-droga u ma’ Pasqualino Cefai, ir-raġel li fost l-oħrajn weħel tletin xahar talli hedded l-Maġistrat Myriam Hayman.
Id-difiża għal Elton Taliana oġġezzjonat għall-mistoqsijiet kontinwi mill-avukat tal-gazzetta u saħqet li fil-Qorti qed jinstema’ libell u mhux ħajjet Taliana.