Anthony Attard ta’ 47 sena mis-Siġġiewi ngħata sentenza sospiża ta’ ħabs wara li, fil-Qorti, ammetta għall-akkużi li assista biex persuni minn pajjiżi terzi jibdew jgħixu f’pajjiżna illegalment u dan inkluż b’dikjarazzjonijiet foloz li saru lill-awtoritajiet.
Jirriżulta li l-każ jirrelata ma’ investigazzjonijiet dwar ħruġ ta’ permessi ta’ residenza, li saru wkoll mill-aġenzija Identità, u diversi allegazzjonijiet li saru fl-aħħar jiem minn esponenti tal-Partit Nazzjonalista bi skop li jimminaw lill-istess entità.
Fil-Qorti, il-Prosekuzzjoni, immexxija mill-Ispettur Karl Roberts, spjegat li, fil-jiem li għaddew, ġew arrestati diversi persuni relatati ma’ kuntratti tal-kera foloz biex, b’mod illegali, jaġevolaw persuni li ġejjin minn pajjiżi li mhumiex fl-Unjoni Ewropea.
Hawn intqal li wieħed mill-imħuħ f’dan il-każ ħadem ma’ Attard fejn instab li, fuq l-indirizz personali tal-akkużat, kienu rreġistrati għadd ta’ persuni barranin.
ONE News hu informat li kien hemm disa’ persuni barranin irreġistrati fuq ir-residenza tiegħu, bl-iskop li jkunu jistgħu jakkwistaw il-permess biex jgħixu f’Malta.
Quddiem il-Maġistrat Nadine Lia, intqal li l-akkużat kien waħħal xi letterboxes b’isem dawn il-persuni individwali, li suppost kienu qed joqogħdu hemm, biex kull korrispondenza għalihom minn Identità tkun tista’ tintefa’ fihom.
Il-Prosekuzzjoni żiedet tgħid li suspettat ewlieni f’dan il-każ wassalhom għal Attard u, minn hemm imbagħad, inħareġ mandat ta’ arrest fil-konfront tal-akkużat.
Ġie spjegat li Attard ikkopera mal-Pulizija, bix-xhieda tiegħu tkun kruċjali fil-każ biex, fiż-żmien li ġej, jitressaq is-suspettat ewlieni f’dan iċ-ċirku kriminali.
Hawn il-Prosekuzzjoni ssuġġeriet sentenza sospiża għar-raġel, bid-Difiża tiegħu taqbel ma’ dan. Wara li semgħet is-sottomissjonijiet kollha, il-Qorti sabet lil Attard ħati u kkundannattu sentejn ħabs sospiżi għal erbgħa snin.